Ewropa Internazzjonali Lokali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech jasal għall-Kungress tal-EPP f’Rotterdam

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech bħalissa qed jattendi għall-Kungress tal-EPP li qed isir f’Rotterdam.

Aktar tard illejla Bernard Grech se jindirizza dan il-kungress. Matul il-ġurnata huwa għandu numru ta’ laqgħat skedati ma’ bosta Mexxejja Ewropew, kif ukoll mal-President tal-EPP Donald Tusk.

Il-mexxejja Ewropej qed jiddiskutu l-qagħda attwali fl-Ewropa, fost oħrajn it-theddida għas-sigurtá li qed tpoġġi fuqna l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Fl-aħħar sigħat, il-mexxejja tal-UE qablu li jimblukkaw żewġ terzi taż-żejt li kien jigi impurtat mir-Russja.

L-embargo se jaffetwa biss iż-żejt trasportat bil-baħar, u mhux li ġej mill-pipelines. Dan minħabba oppożizzjoni illi kien hemm mill-Ungerija.

Il-President tal-Kunsill Ewropea Charles Michel qal illi dan l-embargo se jaffetwa direttament il-magna tal-gwerra tal-Kremlin, għaliex ir-Russja se jinqatgħalha finanzjament enormi li kien ġej mill-Ewropa.

Dan l-embargo huwa parti mis-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet li qed taddotta l-UE wara l-invażjoni tal-Ukrajna.

Jakkumpanjaw lil Bernard Grech għal dan is-summit hemm il-Viċi Kap tal-PN David Agius, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino u s-Segretarju Internazzjonali Veronica Perici Calsione.