“Fid-dawl ta’ dak li issa hu magħruf li ħareġ mir-rapport intern magħmul mill-Enemalta dwar ix-xiri tal-windfarm fil-Montenegro, jeħtieġ li nsiru nafu x’azzjoni ħa tittieħed fuq min kien involut f’dan l-iskandlu.
Minkejja t-talbiet li saru fil-Parlament biex il-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan ir-rapport intern, kemm fi Frar tas-sena l-oħra kif ukoll il-ġimgħa l-oħra stess, il-Ministru rrifjutat li tippubblikah bl-iskuża li għad hemm l-investigazzjonijiet tal-Pulizija pendenti.”
Il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża, Mark Anthony Sammut, fi stqarrija it-Tlieta qali li huwa ta’ għajb li sentejn wara li l-Pulizija qalet li bdiet dawn l-investigazzjonijiet, għadna ma rajna l-ebda riżultat dwarhom.
L-istess kontijiet awditjati tal-Enemalta tal-2019 ġew ippubblikati biss il-ġimgħa l-oħra, iżjed minn sena u nofs iżjed tard milli titlob il-liġi, u biss wara mistoqsija parlamentari. Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk dawn kienux qed jinżammu milli jiġu pubblikati proprju minħabba l-konklużjonijiet tar-rapport intern li ġew rappurtati llum.
Bl-istess mod, jistaqsi kif għadhom mhux ippubblikati l-kontijiet awditjati tas-sena 2020, minkejja li l-Enemalta llum hija “public liability company” u issa skada b’xhur iż-żmien li fih kienet obbligata ddaħħal l-kontijiet tagħha. X’hemm aktar li qed jinħeba mill-poplu Malti u Għawdxi f’dawn il-kontijiet?
Dan ikompli jibni mal-kultura ta’ ħabi li nbniet madwar is-settur tal-Enerġija, bil-Ministru sal-bieraħ stess tirrifjuta li tippubblika l-prezzijiet li bihom inxtrat l-enerġija mill-interconnector, mill-Electrogas u mingħand Shanghai Electric fil-ħames snin li għaddew, bl-iskuża tal-“interessi kummerċjali tal-Enemalta”, filwaqt li fl-istess ħin ma kellha l-ebda problema tippubblika l-prezzijiet ta’ dan ix-xahar stess, li l-loġika tgħidlek li huma ħafna aktar sensittivi minn dawk ta’ ħames snin ilu.
Mhux ta’ b’xejn li erba’ snin wara li l-Gvern Laburista stess ammetta li qed jisraq in-nies bil-mekkaniżmu ġdid li daħħal ta’ kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, serq li kien konfermat ukoll mill-Awditur Ġenerali, għadu ma għamel xejn biex jikkoreġi din is-sistema. Dan minkejja wegħdiet ripetuti, inkluż fil-budget tas-sena l-oħra, li ser jirranġaha.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li:
- dan is-settur jeħtieġ trasparenza totali biex ikun jista’ jsir ġudizzju dwar ir-riżultat veru tal-politika tal-enerġija tal-Partit Laburista, ‘il bogħod mill-propaganda partiġġjana;
- il-Gvern għandu jikkoreġi minnufih is-serq li qed isir mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u jagħti l-flus lura lil kulmin insteraq; u
- għandha tittieħed kull azzjoni meħtieġa biex kulmin kien involut fil-korruzzjoni jħallas ta’ għemilu u jitressaq għall-ġudizzju tal-Qorti.