Parlament

Is-saħħa u s-sigurtà tmur lil hinn mill-post tax-xogħol

Stanley Zammit, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal fil-parlament li biex tmur għal metodoligija ta’ self regulation l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà trid tħares ħafna aktar b’mod ħolistiku sbiex mhux biss ikollna is-saħħa u is-sigurtà imma ngħixu is-saħħa u s-sigurtà. Dak li jfisser li niżviluppaw kultura ta’ saħħa u sigurtà għax din tmur ‘l hinn mill-postijiet tax-xogħol.

L-Awtoritá għas-Saħħa u s-Sigurtà hij l-qalb, il-magna, id-drive principali ta’ din l-ekosistema; dgħajfa tkun is-sistema u aktar diffiċli li nersqu qrib il-mira tagħna, u b’saħħitha hi b’saħħitha s-sistema u nersqu lejn il-mira tagħna aktar malajr, u b’mod aktar effettiv u aktar effiċjenti.

It-total ta’ ħaddiema, inkluz dawk maniġerjali fl-Awtorità kien ta’ 35 persuna li jinkludu tliet persuni mill-Engineering Resources Ltd. u persuna mislufa mir-Resource Support & Services Ltd. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, tirrakomanda li jkun hemm spettur għal kull 10,000 ħaddiem, li jfisser li l-Awtorità ghandu jkollha mhux anqas minn 26 spettur.

L-Awtorità mhijiex biss regulatur u x-xogħol ma jikkonsistix biss f’spezzjonijiet u r-rapporti u l-follow-ups li jkun hemm bżonn li jsiru. Il-haddiema tal-Awtorita’ joffru ukoll diversi servizzi, u, jibnu, jġeddu u jaddottaw policies relatati.

In-nuqqas ta’ riżorsi umani jisforza l-istess riżorsi biex jiġġebbdu f’tasks differenti bil-konsegwenza tal-għejja tal-ħaddiema infushom, li spiċċaw bla nifs u għejja tas-sistema għax tispiċċa bla nies.

L-investiment li hemm ippjanat li jsir fil-ħaddiema permezz ta’ taħriġ u l-iżvilupp professjonali kontinwu għal din is-sena huwa ta’ €6,000, ammont relattivament żgħir, speċjalment meta huwa pjanat li din is-sena jigu ngaġġati ħaddiema ġodda bhala parti minn pjan fuq tliet snin biex jidħlu 43 persuna oħra. Dan huwa biss kwazi 2.3 % tal-ispejjeż operattivi. Għall-anqas huwa ammont aħjar mill-miżerja ta’ bejn wieħed u ieħor €2,200 li ntefqu kull sena fl-2020 u fl-2021.

Dan l-ammont, li tela’ għal €6,000 grazzi għal ftehim kollettiv, irid jiġi ikkumparat mal-ispiża proġettata ta’ madwar €74,000 għal servizzi kuntratwali u professjonali li jagħmlu 28 fil-mija tal-ispejjeż operattivi. Din hi indikazzjoni li l-Awtorità iktar tfittex li tagħmel oursourcing milli tibni kompetenzi interni. Mhux biss l-Awtorità għandha tinvesti f’aktar riżorsi umani, imma għandha tinvesti aktar fir-riżorsi umani.

Hu proċess naturali li ħaddiema jiġu headhunted mill-privat jew minn entitajiet oħra, ukoll parti minn din l-ekosistema, wara li dawn ikunu ħadu t-taħriġ u kisbu l-esperjenza. Għalhekk huwa importanti li l-Awtorità tincentiva lil ħaddiema tagħha u għandha tara li l-ekosistema sħiħa ikollha ir-riżorsi umani meħtieġa u li dawn ikollhom l-għarfien, il-ħiliet u l-atitudnijiet necessarji. Dan huwa metodu ieħor kif l-Awtorità taċċerta li l-ekosistema kollha ikollha nies kompetenti biżżejjed biex tkun effettiva.

Hu ċar li l-Gvern mhux jagħti l-importanza dovuta lil dan il-fattur. Din l-Awtorità għadha sal-llum ma għamlitx l-upgrade tant neċessarju tal-Management Information System għaliex il-Gvern ilu jittutiba mill-2016 biex jgħaddi l-fondi neċessarji. Dan reġa’ ġie ipposponut s-sena li għaddiet.

Il- Management Information System hi għodda importantissima għall-Awtorità. Aktar minn hekk, l-Awtorità għandha tara li tissimplifika u tatomizza kemm tista’ il-proċessi u jkollha u timmassimizza ir-riżorsi diġitali biex il-ħaddiema jkunu aktar effettivi u efficjenti, speċjalment fil-komunikazzjoni mal-istakeholders.

Bizzejjed wieħed jagħti daqqa t’għajn lejn numru ta’ offerti u it-tenders u lejn ir-rizultati tal-ispezzjonijiet biex wieħed jista’ jifhem x’importanza u x’piż numru ta’ stakeholders jagħtu, fil-prattika, lis-saħħa u s-sigurtà fid-diversi tipi ta’ postijiet tax-xogħol. Aktar minnhekk, l-ispejjeż tal-materjal, tal-manifattura, tal-loġistika splodew u l-Gvern għadu ċass quddiem din is-sitwazzjoni anke f’dan il-kuntest.

F’dawn iċ-ċirkostanzi ikun hemm it-tentazzjoni biex, biex dak li jkun ma jgħolliex il-prezzijiet tieghu u jżomm kemm jista’ jkun l-istess profit, innaqqas il-kwalità u jikkomprometti is-saħħa u sigurtà. Dan huwa kundannabbli.

Il-Gvern għandu, permezz tal-Awtorità, jinjetta għajnuna lill-industriji varji biex, mhux biss jevita li l-operaturi, jevitaw milli jaqgħu ghal din it-tentazzjoni, imma ukoll biex l-inertia ta’ din l-ekosistema tibda tinbidel f’momentum.

Wahda min-nuqqasijiet li din l-ekosistema għandha, hi n-nuqqas ta’ definizzjoni u l-linja ta’ demarkazzjoni bejn l-Awtorita u awtoritajiet oħrajn, fosthom dik tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.

Important ħafna li jkun hemm standard wieħed u sett wieħed ta’ regolamentazzjoni u mhux kull awtorità jkollha tagħha u nippretendu li dak li jkun irid isegwi settijiet differenti b’interpretazzjonijiet differenti.

L-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà trid tara li din l-ekosistema taħdem b’mod sinkronizzat u ħolistiku.

Jeħtieġ li tigi rivisitata il-filosfija tal-Awtorità. L-Awtorità għandha tinvesti f’ħafna aktar riċerka u mezzi biex tkejjel lilha nfisha u l-ekosistema b’mod ħolistiku u tidditermina l-oqsma fejn dawn huma dgħajfa.

Kien pożittiv li ġie iffirmat il-Memorandum of Understanding mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatiska għaliex hekk l-Awtorità jista’ jkollha id-data neċessarja biex tanalizza u tidentifika oqsma li għandhom bżonn azzjoni qabel ma l-affarijiet jiggravaw.