L-awtoritajiet fit-Tajwan tellgħu numru ta’ fighter-jets biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni wara li xi 30 ajruplan tal-gwerra taċ-Ċina infiltraw l-ispazju tal-ajru ta’ din il-Gżira Stat li ilha s-snin f’sitwazzjoni ostili mal-Gvern komunista f’Beijing. L-ajruplani taċ-Ċina kienu daħlu fiz-zona tad-difiża tat-Tajwan bħala provokazzjoni diretta lit-Tmexxija f’Tajpej, b’din l-inkusrsjoni tkun l-akbar waħda ta’ dan it-tip minn Jannar.
Il-manuvri taċ-Ċina saru ftit jiem biss wara li l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, wissa lil Beijing biex ma jinvadix lit-Tajwan. Dan ukoll meta l-Gvern Amerikan qiegħed iżid l-inizjattivi b’kooperazzjoni ma’ Tajpej u għat-tisħiħ tas-sigurtà tat-Tajwaniżi.
Iċ-Ċina, fl-aħħar xhur, żiedet il-missjonijiet tal-ajru viċin it-Tajwan – dejjem bl-iskuża li qed twettaq eżerċizzji ta’ taħriġ għall-ajruplani tal-gwerra.
L-azzjonijiet taċ-Ċina, intant, qed jurtaw lit-Tmexxija tat-Tajwan, bit-tensjoni fir-reġjun qed tirranka b’mod sostanzjali. Dan meta ċ-Ċina tqis lit-Tajwan bħala provinċja ribelluża tagħha minbarra li qed tesiġi d-dritt biex tieħu lura din il-Gżira Stat bil-forza f’każ li neċessarju.
//= $special ?>