Sport Waterpolo

Joe Caruana Curran jikkonferma li se jispiċċa minn President tal-ASA din is-sena … jispjega għaliex

(Ritratt: Matthew Tabone)

Artiklu: Stewart Said

Is-sena 2022 se timmarka bidla fit-tmexxija tal-Aquatic Sports Association hekk kif netnews.com.mt jista’ jikkonferma li l-President Joe Caruana Caruana mhux se jerġa’ jikkontesta għal din il-kariga u mhux eskluż lanqas li jħalli l-kariga qabel. It-terminu tiegħu jispiċċa fl-aħħar ta’ Novembru li ġej.

F’kuntatt li dan is-sit għamel, Joe Caruana Curran ikkonferma rapport li deher fuq is-sit tal-istazzjon nazzjonali. Hu stqarr li oriġinarjament kellu l-ħsieb li jikkontesta għal terminu ieħor u jkun l-aħħar wieħed għalih, iżda żied li s-siġġu ta’ President mhux tiegħu imma tal-klabbs, fis-sitwazzjoni li ċertu klabbs mhux kuntenti bih fit-tmexxija.

Hu qal li “nibqa’ mmexxi sakemm ikun hemm il-maġġoranza tal-klabbs warajja. Jekk l-aħjar interess tal-assoċjazzjoni hu li jkun hemm xi ħadd li jista’ jgħaqqad iktar, żgur li mhux se noqgħod fin-nofs u noħloq gwerer bejn il-klabbs. Jien ninsab trankwill.”

Din l-aħbar tista’ titqies bħala ħasda fl-isport akwatiku speċjalment fil-kamp tal-waterpolo. Dawn ix-xhur huma impenjattivi għal dan l-isport hekk kif ninsabu ġimgħa bogħod mill-Kampjonat tas-Sajf filwaqt li bejn Awwissu u Settembru, it-timijiet nazzjonali tal-irġiel, ta’ taħt is-16 u d-19-il sena se jieħdu sehem f’żewġ Kampjonati Ewropej u Kampjonat tad-Dinja. Dan minbarra l-preparazzjoni tal-għawwiema għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna s-sena d-dieħla.

Fl-isfond ta’ dan, Caruana Curran qal li qabel jiddeċiedi dwar il-futur immedjat tiegħu, irid jagħmel ċert li l-preparazzjoni għal dawn l-atleti u t-timijiet tkun kif suppost flimkien mal-appoġġ lill-istaff tekniku. Hu kkonferma li l-Membri l-oħra tal-Eżekuttiv tal-ASA se jibqgħu biex ikun hemm kontinwità fix-xogħol amministrattiv.

Dan hu r-raba’ terminu ta’ Joe Caruana Caruana fit-tmexxija tal-Aquatic Sports Association. Hu kien elett lejn tmiem l-2010 u minn dakinhar l-isport akwatiku għadda minn trasformazzjoni pożittiva fir-riżultati. Fl-għawm inkisru diversi rekords nazzjonali filwaqt li fil-waterpolo, it-tim nazzjonali tal-irġiel għadda għal erba’ darbiet konsekuttivi għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew filwaqt li t-timijiet taż-żgħażagħ kollha wkoll ikkwalifikaw mal-aqwa 16 tal-Ewropa.