Sport Sport Ieħor

Julian Bajada bi sfida li jaqdef 28 kilometru bil-għan li jinġabru fondi għall-isport paralimpiku

L-atleta paralimpiku Julian Bajada se jkun qed jieħu sehem fi sfida tal-qdif biex jiġbor fondi għall-Kumitat Paralimpiku u jqajjem għarfien dwar l-isport paralimpiku f’pajjiżna.

Fl-għeluq it-28 sena tiegħu, Bajada se jkun qed jaqdef għal 28 kilometru fuq ‘rowing machine’ mingħajr waqfien, bil-għan li jiġbor €28,000 biex ikun jista’ jgħin persuni b’diżabilita’ jkomplu jimirħu fl-isport. Dan bil-għan li jitwaqqaf l-ewwel tim tal-qdif paralmipiku f’pajjiżna.

Din se tkun l-itwal distanza li atleta paralimpiku qatt qadef f’pajjiżna, bl-atleta paralimpiku se jkun qed jaħdem ukoll biex jinxtraw dgħajjes u kif ukoll jitnieda programm li jrawwem atleti paralimpiċi f’dan l-isport.

Bajada li hu atleta parlimpiku ma ħalliex id-diżabilita’ tiegħu twaqqfu milli jipprattika l-isport u jrid jaspira aktar persuni biex jersqu lejn l-isport minkejja d-diżabilita’ tagħhom.

Julian Bajada huwa wkoll is-segretarju ġenerali tal-Kumitat Paralimpiku Malti. L-avvenimet se jsir fit-28 ta’ Ġunju fi Piazzetta, f’Tas-Sliema.