L-aħwa George u Alfred Degiorgio li fost oħrajn qed jiġu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qed jerġgħu jallegaw li għadhom isofru minn ksur tad-drittijiet tagħhom. Dan peress li minkejja li għandhom preżunti innocent baqgħu miżmuma taħt arrest għal tul ta’ żmien u kull talba li għamlu biex huma jingħataw il-pleġġ qed tiġi rifjutata. Għaldaqstant huwa qegħdin jitolbu rimedju.
Huma ppreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha kontra l-Avukat tal-Istat fejn għamlu sitt ilmenti li skont huma jindikaw biċ-ċar li qed jinksiru d-drittijiet tagħhom skont il-lġi. Qalu li ilhom arrestati mill-4 ta’ Diċembru, 2017 u fil-5 ta’ Diċembru, 2017 ġew imressqa quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużati b’diversi reati, fosthombl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Minkejja illi preżunti innoċenti ilhom miżmuma taħt arrest preventiv minn dakinhar jiġifieri iktar minn erba’ snin u ħames xhur. Qalu li għamlu diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest, liema talbiet ġew dejjem opposti milll-Avukat Ġenerali, u miċħuda mill-Qrati kollha.
F’uħud minn dawn id-digrieti ingħadu kummenti illi huma preġudizzjevoli mhux biss għall-kwistjoni ta’ l-għoti tal-ħelsien mill-arrest iżda anke għall-mertu ta’ l-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. Huma anke ppreżentaw rikors kostituzzjonali biex jilmentaw minn ksur fil-konfront tagħhom ta’ l-artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.
Dan ir-rikors ġie deċiż definittivament b’sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas-27 ta’ Ottubru, 2021 fejn mhux biss ġiet miċħuda t-talba tagħhom iżda ingħadu kummenti illi huma preġudizzjevoli għad-drittijiet tagħhom.
Kunsiderazzjoni mill-Qrati li qed jiksru d-drittijiet tagħhom
Qalu wkoll li reċentament huma reġgħu talbu l-ħelsien mill-arrest u tali talba tagħhom tressqet, instemgħet u ġiet deċiża mill-Qorti ta’ l-Appell Kriminali. Għal darb’oħra ġiet miċħuda. Id-digriet mogħti fit-18 ta’ Frar, 2022 fih kunsiderazzjonijiet ħżiena illi jiksru d-drittijiet tagħhom.
Fost ilmenti tagħhom qalu li L-ewwel hemm ksur ta’ l-artikolu 5, inkluż l-artikolu 5 (3) tal-Konvenzjoni, għaliex fil-każ ta’ l-esponenti iż-żamma tagħhom taħt arrest preventiv hija twila wisq u mhijiex raġjonevoli. Għal dawn ir-raġunijiet biss qalu li huma tal-fehma illi fil-konfront tagħhom ġew miksura, għadhom qegħdin jiġu miksura u x’aktarx ser jibqgħu jiġu miksura d-drittijiet fundamentali tagħhom sanċiti bl-artikolu 5, inkluż l-artikolu 5 (3), tal-Konvenzjoni;
Ilment ieħor huwa l-allegat diżordni pubbliku. Ir-rikors jgħid li f’dan il-każ ma hemm l-ebda akkuża ta’ war crimes u kull żmien illi seta’ jkun ġustifikat minn xi biża’ jew possibilità ta’ public disorder ilu illi għadda tenut kont it-tul ta’ żmien illi ilhom miżmuma taħt arrest preventiv.
Qalu li huma akkużati b’reat illi jġorr il-piena massima ta’ għomor il-ħabs u għalhekk bil-fors iridu jiġu ġudikati f’ġuri bil-ġurati. Il-ġurati huma l-pubbliku u huma l-ġurati illi ser jagħtu l-verdett. Jekk il-Qorti ma tagħtix il-ħelsien mill-arrest għaliex tgħid illi jista’ jkun hemm public disorder, il-ġurati ossija l-pubbliku żgur illi mhux se jagħtu verdett ta’ mhux ħatja.
Il-messaġġ illi l-pubbliku in ġenerali qiegħed jasal għandu mid-digrieti tal-Qorti huwa illi l-esponenti ma għandhomx joħorġu mill-ħabs u għalhekk huma ma għandhom l-ebda tama illi qatt ikollhom smiegħ xieraq. B’hekk l-esponenti jirrilevaw illi fil-konfront tagħhom qiegħed jiġi miksur ukoll l-artikolu 6 tal-Konvenzjoni;
Qalu wkoll li qegħdin isofru trattament jew piena inumana jew degradanti bi ksur ta’ l-artikolu 3 tal-Konvenzjoni bil-fatt illi huma qegħdin jibqgħu jinżammu taħt arrest preventiv għal żmien prorogat u billi filwaqt illi huma preżunti innoċenti qegħdin jiġu imċaħħda minn diversi aspetti tal-ħajja daqs li kieku diġà qegħdin jiskontaw piena ta’ priġunerija effettiva.
Tennew li l-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest tirriżolvi ruħha, kważi f’kull każ, billi jintlaħaq bilanċ ġust u adegwat bejn id-drit tal-libertà tal-persuna akkużata u d-dritt tagħha għall-preżunjoni ta’ l-innoċenza u l-interessi l-oħra kollha inkluż li l-persuna akkużata ma xxekkilx il-proċess ġudizzjarju u tiġi proċessata.
Fi’dan il-każ, l-ebda bilanċ ma ntlaħaq mill-ebda Qorti ta’ ġurisdizzjoni kriminali. Il-bilanċ jista’ jiġi milħuq f’kull każ għaliex il-liġi tqiegħed għodda diskrezzjonali wiesgħa f’idejn il-Qrati ta’ ġurisdizzjoni kriminali fl-impożizzjoni ta’ kundizjonijiet fl-okkażjoni ta’ l-għoti tal-ħelsien mill-arrest iżda l-ebda Qorti ma laħqet tali bilanċ bil-konsegwenti ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.
Perjodu taż żmien li persuna tinżamm arrestata
Ir-rikors jgħid li l-Kodiċi Kriminali jikkontempla ċertu perjodi ta’ żmien li persuna akkużata b’reat tista’ tinżamm taħt arrest preventiv. Oltre tali perjodu il-Qorti hija obbligata illi tagħti l-ħelsien mill-arrest anke jekk b’kundizzjonijiet. Fil-każ ta’għhom, il-perjodu massimu huwa 30 xahar.
F’dan il-każ huma qalu, i-Qorti ta’ l-Appell Kriminali kisret il-jedd fundamentali tagħhombilli b’dak illi rriteniet ġabet prolongazzjoni tad-detenzjoni preventiva ta’ l-esponenti anke meta ma kienx qiegħed jinstema’ l-appell tagħhom u meta l-atti ma kenux quddiem dik il-Qorti għal raġunijiet illi huma ma jaħtu xejn għalihom iżda għal raġunijiet proċesswali fuq istanza ta’ l-Avukat Ġenerali. Il-Qorti ta’ l-Appell Kriminali marret oltre minn dak illi tipprovdi l-liġi biex l-effett finali kien illi jiġi imtawwal il-perjodu ta’ detenzjoni.
Għal dawn ir-raġunijiet ukoll l-aħwa Degiorgio jsostnu illi huma ġarrbu ksur ta’ l-artikolu 5, inkluż l-artikolu 5 (3), tal-Konvenzjoni bid-digriet tal-Qorti ta’ l-Appell Kriminali tat-18 ta’ Frar, 2022. Finalment qalu li mingħajr preġudizzju għal dak kollu espost f’dan ir-rikors, qed jikkontendu illi l-artikolu 575 (9) (b) (ii), (iii) u (iv) tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta minnu nnifsu jikser id-dritt sanċit fl-artikolu 5, inkluż l-artikolu 5 (3), tal-Konvenzjoni.
Dawn id-dispożizzjonijiet jagħti lok għal detenzjoni preventiva imtawla b’mod anke indefinit, billi ma jistipulaw l-ebda massimu ta’ żmien. Dan il-provvediment tal-liġi huwa leżiv għaliex huwa preġudizzjevolu għal min preżunt innoċenti miżmum taħt arrest preventiv u jipproroga d-detenzjoni preventiva mingħajr limitu jekk l-akkużat jgħażel illi jipprevalixxi ruħu minn drittijiet proċedurali tiegħu.
Inoltre b’dawn l-istess dispożizzjonijiet hemm ksur ukoll tad-dritt tas-smiegħ xieraq għaliex akkużat ma għandux jitqiegħed f’sitwazzjoni fejn tiġi porogata u prolongata d-detenzjoni preventiva tiegħu sempliċement għaliex jagħmel użu minn drittijiet proċedurali li tagħtih il-liġi. L-Avukat William Cuschieri iffirma r-rikors.
//= $special ?>