Lokali Parlament

L-Awtorità tal-Ippjanar qed tisfida lill-Ombudsman

Robert Cutajar, Whip tal-Oppożizzjoni

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ikkritika lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-mod kif qed tisfida deċiżjonijiet u rakkomandazzonijiet tal-Ombudsman.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li l-Awtorità tal-Ippjanar trid twieġeb għall-isfreġju ambjentali li sar fil-pajjiż. Hu sostna li fir-rapport tal-Awtorità m’hemmx referenza għad-dikjarazzjonjiet tal-Ombudsman li kien sfidat mill-istess Awtorità fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar ix-xogħlijiet li kienu saru f’Kemmuna fejn l-Awtorità sfidat lill-Ombdusman. L-Awtorità qed issib il-kenn tal-Gvern. Każ ieħor hu dwar il-pont tal-Marsa fejn saru xogħlijiet bla permess; l-Awtorità tal-Ippjanar mhix tagħti eżempju u l-gvern kompliċi.

Hemm ukoll il-każ ta’ Ħad Dingli fejn l-Ombudsman ukoll kien sfidat, sostna d-deputat Nazzjonalist,a li staqsa jekk min qed imexxi l-Awtorità hux kompetenti biex imexxiha.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm każi fejn l-Ombudsman qed jilmenta mal-Awtorità fuq diversi każi u żied li hemm intenzjonijiet ulterjuri biex dawn ir-risposti ma jingħatawx.

Robert Cutajar qal mhuwiex aċċettabbli li l-korrispondenza mal-Ombudsman ma tingħalaqx u li anki l-ERA tkellmet dwar l-iskart perikoluż tossiku kif kien hemm f’Ħal Luqa biex tara jekk dan intefgħax fil-post fejn kellu jintefa’. L-Awtorità għandha tispjega wkoll jekk il-munzell materjal li hemm fil-Magħtab hux skont ir-regoli u tispeċifika x’tip ta’ materjal hu.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li m’għandux ikun hemm tidwir mal-policies u staqsa kif fin-Naxxar hemm appell iżda x-xogħljiet komplew għaddejjin.

L-istess hemm fil-Mellieħa fuq binja li hi skandlu għaliex l-Awtorità daret mal-policy. Kien hemm min kellu interess li jgħaddi dan il-permess, sostna Robert Cutajar, li kompla li l-Awtorità tal-Ippjanar kissret il-karatteristiċi. Kien hemm permessi li ħarġu b’konflitti ta’ interess, sostna Robert Cutajar.