Meta wieħed stenna li l-Prim Ministru u l-Avukat tal-Istat iressqu xhieda biex jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-kawża li qed issir kontrihom fil-każ tal-Vitals li sussegwentement ġiet sostitwita minn Stewart Healtcare, dawn infurmaw lill-Qorti li ma kellhomx xhieda ‘viva voce’ xi jressqu.
Il-kawża li d-deputat Nazzjonalista Adrian Delia kien beda biex tliet sptarijiet ewlenin f’Malta jingħataw lura lill-poplu Malti kellha tkompli t-Tlieta fejn il-Gvern kellu jressaq il-provi tiegħu, li iżda dan ma seħħx biex il-każ ingħalaq definittivament mill-istadju tal-provi kollha.
Il-PN ilu jiġġieled biex l-isptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġgħu jkunu tal-polu Malti u Għawdxi. Din il-kawża qiegħda titlob li l-qorti treġġa’ lura f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi tliet sptarijiet li ġew mgħoddija lill-kumpanija barranija li qegħdin jixorbu l-miljuni mingħajr ma sar l-investiment imwiegħed.
Minflok tressqu l-provi Il-Prim Ministru u l-Avukat tal-Istat infurmaw lill-Imħallef Francesco Depasquale li ppreżentaw numru ta’ dokumenti b’rabta mal-każ li aktar minn 90 fil-mija minnhom huma dokumenti legali li jinkludu kopji ta’ sitt liġijiet, li huma żewġ atti ta’ nutar, żewġ notifiki fil-gazzetta tal-Gvern u riżultat ta’ riċerka tal-kumpanija Stewart, mill-insinwa.
F’ħin minnhom waqt il-kawża meta deher li n-naħa tal-Gvern tagħat l-impressjoni li qed tilgħab għal ħin, u dan meta kien qed isir ftehim, meta għandu jitkompla l-każ, Adrian Delia qal; “ġurnata tiswa €185,000.” Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech flimkien mal-predeċessur tiegħu l-Membru Parlamentari Adrian Delia kienu wkoll ressqu protest ġudizzjarju biex iżommu lill-gvern responsabbli għal kwalunkwe danni li saru b’riżultat tal-konċessjoni tal-isptarijiet li bħalissa jinsab f’idejn Steward Health Care. Madankollu l-Gvern ma ċċaqqlaqx u baqa’ jistenna l-eżitu tal-kawża fil-Qorti.
Il-każ, li kien ippreżentat fl-2018, fejn id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia kien talab lill-qrati biex jiddikjaraw il-ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u Vials Global Healthcare (VGH), null u bla effett fid-dawl tal-fatt li l-VGH kienet naqset li toqgħod mal-obbligazzjoni u taderixxi mal-obbligi tal-kuntratt, f’kelma waħda kuntratt li kien falla.
Diġa ħareġ fil-Qorti li mill-2017 ‘l hawn ma sar l-ebda progress f’xogħlijiet infrastrutturali fi tliet sptarijiet privatizzati, b’xi permessi ta’ żvilupp issa skadew u oħrajn viċin li jiskadu. Il-Qorti tagħat lill-partijiet xahrejn żmien kull wieħed biex jippreżentaw il-provi finali tagħhom fuq il-każ biex fil-25 ta’ Ottubru li ġej isiru s-sottomissjonijiet minn naħa tagħhom. Għal Adrian Delia qed jidher l-Avukat Edward Debono filwaqt li l-Avukat tal-Istat Chris Soler qed jidher għall-Gvern.
//= $special ?>