Rapport minn ditta legali ikkummissjonat mill-Enemalta stess biex jeżamina l-iskandlu tal-Montenegro ikkonkluda li l-kumpanija kienet konxja li qed tħallas it-triplu tal-prezz tal-ishma f’dawn il-Wind Farms.
L-aġenzija Reuters u Times of Malta f’Ġunju 2020 żvelaw kif l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, daħħal €4.6 miljun fi profitt permezz tal-kumpanija tiegħu 17 Black wara d-deċiżjoni tal-Enemalta li tixtri windfarm fil-Montenegro.
Rekords pubbliċi juru li l-Enemalta ħallset €10.3 miljun biex takkwista l-ishma tal-windfarm minn kumpanija bl-isem Cifidex fit-28 ta’ Diċembru, 2015.
Madankollu, ġimagħtejn biss qabel, Cifidex xtrat dawk l-istess ishma għal €2.9 miljun mingħand Fersa Renovables, konsorzju Spanjol mogħti konċessjoni mill-Gvern tal-Montenegro fl-2010 biex imexxi l-windfarm. L-ishma nxtraw mingħand Fersa Renovables għal terz tal-prezz imħallas mill-Enemalta.
L-evidenza turi li Cifidex iffinanzjat ix-xiri tal-ishma permezz ta’ ħlas ta’ €3 miljun trasferiti minn 17 Black fi tmiem Novembru 2015.
F’dan kollu kien hemm ukoll iċ-Ċiniż wara Macbridge, Chen Cheng, li kien kruċjali biex l-Enemalta xtrat dawn l-ishma hekk kif kien hu li laqqa’ lil Enemalta ma’ Cifidex.
Sa Ġunju tal-2016, Cifidex imbagħad kienet bagħtet lura lil 17 Black it-€3 miljun imsemmija flimkien ma ammont addizzjonali ta’ mill-inqas €4.6 miljun.
Minkejja li l-Enemalta kienet konxja tad-diskrepanza enormi fil-prezz, din id-ditta legali mhix magħrufa indikat li l-kumpanija tal-Gvern Malta flimkien ma’ dak Ċiniż ma kinux konxji dwar min kien is-sid ta’ Cifidex tant li l-proċess li jassessja l-profitabiltà tal-investiment ma kienx dokumentat.
Fatt li wieħed tajjeb jinnota hu li skont sors li tkellem ma Reuters, Cifidex hija proprjetà ta’ Turab Musayev, li huwa eżekuttiv ta’ SOCAR Trading, is-sussidjarja tal-kumpanija taż-żejt tal-Azerbajġan, SOCAR.
Musayev, li għandu passaport Ingliż, kien assoċjat man-negozju ta’ Yorgen Fenech meta ż-żewġt irġiel kienu ko-diretturi ta’ konsorzju li fl-2017 bena impjant tal-gass ta’ 450 miljun ewro f’Malta. Skont rekords pubbliċi, Musayev irrapreżenta lil SOCAR Trading, li kien jippossjedi terz tal-konsorzju.
Id-ditta legali li ħejjiet l-analiżi tal-iskandlu tal-Montenegro kienet imxekkla milli taċċessa l-emails tal-kumpanija, tal-impjegati u tal-bord tad-diretturi għaliex id-diretturi tal-Enemalta ma jużaw email tax-xogħol u l-email tax-xogħol tal-ħaddiema li ma baqgħux jaħdmu mal-Enemalta mhumiex aċċessibli aktar.
Ir-rapport sab nuqqasijiet kbar fit-tmexxija tal-kumpanija speċjalment f’materji li wieħed ma jistenniex isibhom f’tranżazzjonijiet bħal dawn iżda dawn in-nuqqasijiet ma tlissnux.
L-Enemalta min-naħa tagħha qalet li issa se tindirizza n-nuqqasijiet permezz ta’ tisħiħ ta’ strutturi ta’ governanza aħjar u l-introduzzjoni ta’ għadd ta’ policies ġodda wara li ħareġ ir-rapport.
Il-Pulizija min-naħa tagħha kienet ħarġet stqarrija ta’ malajr meta faqqa’ l-iskandlu tal-Montenegro li qed tinvestiga dan id-deal iżda wara sentejn, s’issa għadu ma tressaq ħadd il-Qorti fuq dan l-iskandlu.
//= $special ?>