Raġel ta’ 33 sena minn Ħaż-Żabbar u residenti Ħaż-Żebbuġ kien immultat €2,000 wara li ammetta li kellu Pantera Pardus mhux reġistrata ma’ l-awtoritajiet. Huwa ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li wettaq dan ir-reat fis-26 ta’ Ottubru li għaddza u fix-xhur ta’ qabel.
Eric Attard ammetta li kien qed iżomm annimal perikoluż, eżattament Panthera fil-magħlaq li ma kienx spezzjonat u approvat mill-awtoritajiet. Huwa ġie mixli wkoll li wettaq dan ir-reat fi żmien meta fuq rasu kellu seli sentenza sospiża li permezz tagħha kien inħeles b’kundizzjoni.
Madankollu Attard ma nstabx ħati għal akkuża li m’ammettiex għaliha, dik li sar reċediv u minħabba nuqqas ta’ provi. Huwa ammetta għal bqija tal-akkużi mi’jubin kontrih, li żamm annimal perikoluż, f’sit li ma kienx approvat mid-Direttur u dan bi ksur tar-Regolament 4(1) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 439.19 u li kiser l-istess regolament meta ma żammx il-Pantera ġewwa stabbiliment żooloġiku.
Il-Qorti għarrfet lil Attard li l-multa jista’ jħallasha bi 12-il pagament ta’ €166 fix-xahar u wissietu li jekk ma jħallashiex jista’ jeħel il-ħabs. Il-Qorti qalet li kemm-il darba l-imputat jonqos milli jħallas imqar pagament wieħed mill-pagamenti mensili huwa jispiċċa jservi perjodu ta’ priġunerija relatat mal-bilanċ dovut li jkollu jħallas.
Sadanittant il-Prosekuzzjoni u d-Direttorat tas-Servizzi Veterinarji rtiraw ittalba għall-konfiska ta’ l-annimal mertu ta’ dawn il-proċeduri, b-Qorti tastjeni milli tieħu konjizzjoni tat-talba tal-Prosekuzzjoni skont il-liġi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliott Magro.