Lokali

Rakkomandazzjonijiet sabiex l-immigranti jkunu jistgħu jgħixu aħjar f’pajjiżna

Għal dawn l-aħħar għoxrin sena, numru ta’ immigranti minuri mhux akkumpanjati qasmu l-Mediterran f’tentattiv li jsibu refuġju għal ħajja aħjar fl-Ewropa. Dawn huma tfal li telqu lill-familji tagħhom u ħallew kollox warajhom… tfal li ħarbu mill-gwerra u sabu ma’ wiċċhom abbuż, mewt u vjolenza.

Fid-dawl ta’ dan kollu, sar studju mill-Fondazzjoni Aditus u mill-JRS sabiex tingħata vuċi lil dawn il-persuni ….u jkunu magħrufa iktar fid-dettall il-problemi li jgħaddu minnhom dawn it-tfal.

Dan l-istudju indirizza żewġ mistoqsijiet primarji dwar kif dawn il-minuri jesperjenzaw it-transizzjoni minn tfal għal żgħażagħ u dwar kif il-liġijiet, il-policies u s-servizzi Maltin jgħinuhom matul ħajjithom.

Matul dan l-istudju inġabret informazzjoni billi saru intervisti ma’ sitt minuri li waslu Malta waħedhom u li llum għandhom tmintax-il sena. Informazzjoni li turi li matul is-snin li jkunu Malta, matul it-tfulija tagħhom xorta jibqgħu jesperjenza xi tip ta’ vjolenza fil-konfront tagħhom.

Dan ir-rapport joffri sitt rakkomandazzjonijiet li għandhom jingħataw iktar importanza mill-Istat Malti u minn dawk kollha li jaħdmu u jieħdu ħsieb lil dawn il-minuti. Fost dawn ir-rakkomandazzjonijietn hemm li dawn il-minuri għandhom  jingħataw iktar imħabba,  rispett, tama u protezzjoni… għandhom jingħataw iktar sapport kif ukoll opportunitajiet sabiex ikunu jistgħu jingħataw l-edukazzjoni kollha meħtieġa u jgħixu ħajja normali flimkien ma’ sħabhom.