L-Erbgħa ġie fi tmiemu l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li matulu fost l-oħrajn kienet diskussa l-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.
Għal dan is-summit attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fejn fost id-diskussjonijiet li ħa sehem fihom, kien hemm dawk li trattaw l-importanza li l-Unjoni Ewropea tkun magħquda wara l-Ukrajna, kif ukoll taħdidiet dwar ix-xogħol importanti li qed jagħmel il-Partit Popolari Ewropew.
Waqt dan is-Summit li sar f’Rotterdam, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iltaqa’ ma’ Petro Poroshenko, il-President li serva lill-Ukrajna qabel Volodimir Zelensky u ma’ Yulia Tymoshenko, eks-Prim Ministru tal-Ukrajna.

Bernard Grech wassal is-solidarjetá tal-poplu Malti mal-poplu Ukren u esprima r-rabja tiegħu għal dak li qed tagħmel ir-Russja fil-konfront tal-poplu Ukren. Huwa qal li ma nistgħux nippermettu li xi pajjiż jhedded is-sovranità ta’ pajjiż ieħor, il-paċi u l-istabbiltá li ilha tirrenja għal dawn l-aħħar għexieren ta’ snin fl-Ewropa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ wkoll mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von der Leyen.

Waqt dan is-summit, id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista vvutat fl-elezzjonijiet interni tal-Partit Popolari Ewropew li matulhom kienu eletti numru ta’ uffiċjali fi ħdan l-EPP hekk kif issa jibda mandat ġdid.