Nhar il-Ħamis li ġej żewġ DJs Maltin se jivvjaġġaw lejn il-gżira Kroata ta’ Pag biex jieħdu sehem f’Zrce Spring Break li se jsir bejn it-3 u s-6 ta’ Ġunju. L-avveniment Zrce Spring Break huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar festivals popolari ta’ ‘Spring Break‘ fl-Ewropa.
Id-DJs Daniel Briffa ta’ 24 sena, magħruf aħjar bħala Debrii u Isaak Koroma ta’ 21 sena magħruf bħala Koroma se jkunu qed jingħaqdu ma’ DJs ta’ fama mondjali bħal Fedde Le Grand, DJs From Mars, MANDY u Yves V. Il-Maltin se jkunu qed idoqqu f’numru ta’ postijiet differenti li kollha jinsabu f’dan iċ-ċentru popolari għad-divertiment fil-Kroazja.
Interessanti l-fatt li Zrce se jkun l-ewwel impenn ta’ Isaak lil hinn minn xtutna filwaqt li Daniel se jżid din l-esperjenza ma’ oħra li kellu qabel il-pandemija tal-COVID-19, fil-World Club Dome f’Düsseldorf, f’Jannar tal-2020.
F’pajjiżna, Debrii u Koroma huma DJs residenti mal-kumpanija ‘G7 Events’ li torganizza numru ta’ parties madwar il-pajjiż u f’diversi stabbilimenti popolari madwar Malta u Għawdex.
Tajjeb wieħed isemmi li riċentament, f’pajjiżna, DJ Debrii kiseb popolarità b’remix tas-serje popolari ‘Simpatiċi’ li biha f’temp ta’ ftit jiem kiseb udjenza ta’ madwar 94,000. Dan filwaqt li DJ Koroma għamel isem għalih innifsu waqt l-avveniment ‘ICON’ li hu popolari maż-żgħażagħ.
//= $special ?>