Erba’ passiġġieri f’vann weġġgħu f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn bowser, misjuq minn raġel ta’ 34 sena residenti San Lawrenz u vann Toyota, misjuq minn raġel ta’ 23 sena residenti Wied il-Għajn.
Konsegwentement, it-Toyota ħabat ma’ vettura u żewġ muturi oħrajn li kienu pparkjati. Fil-vann, kien hemm ukoll erba’ nisa Ingliżi li l-età tagħhom tvarja bejn 53 u 60 sena.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lill-passiġġieri l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Aktar tard, waħda mill-passiġġieri ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi filwaqt li l-oħrajn ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Iż-żewġ xufiera ma sofrew l-ebda ġrieħi. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>