Għawdex Lokali

F’din il-kamra jaħdmu 11-il suldat kuljum; “Dawn is-suldati jixirqilhom l-aħjar”

“Wasal iż-żmien li naslu għas-soluzzjonijiet. Soluzzjoni hemm. Dawn is-suldati jixirqilhom l-aħjar” – F’post fuq Facebook, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, Alex Borg, tkellem dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-membri tal-Forzi Armati li jifformaw parti mill-G-Command Maritime Squadron. Dan meta minn ritratti ppublikati fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Alex Borg, jidher ċar li dawn spiċċaw jaħdmu minn kamra taħt rampa li tieħdok għall-vapur t’Għawdex.

Il-Kelliem għal Għawdex saħaq li dawn is-suldati jagħmlu xogħol imprezzabli mal-kosta t’Għawdex u fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Malta u staqsa “kemm qed ikunu apprezzati fil-veritá? Mhux mill-pubbliku imma mill-Uffiċjali tal-Armata u mill-Ministru responsabbli?”

Alex Borg qal li dawn is-suldati jaħdmu ħinijiet twal ħafna u qegħdin jgħixu u jaħdmu f’kamra taħt rampa, li mhux abitabbli, bil-konsegwenza li jibilgħu ħafna dħaħen tal-karozzi. Kamra li fiha jkun hemm bejn 10 u 11-il suldat kuljum.

Id-deputat tal-PN spjega kif fl-aħħar sena ingħaqdu magħhom il-membri tal-AFM mis-sezzjoni tal-EOD li jispeċjalizzaw f’għadis, salvataġġ u bomb disposal, u li magħhom ikollhom apparat speċjalizzat li jispiċċa f’din il-kamra wkoll. F’kummenti ma’ Net News, il-Kelliem tal-PN għal Għawdex saħaq li l-PN jaqbel li s-sezzjoni tal-EOD tkun preżenti f’Għawdex iżda mhux li din is-sezzjoni u l-membri l-oħrajn tal-AFM jaħdmu f’dawn il-kundizzjonijiet.

“L-Imġarr ġie żgħir wisq u dawn spiċċaw lanqas għandhom post sigur fejn jorbtu għax kienu ħadu post fejn kienu jorbtu is-sajjieda. Aktar importanti minn hekk lanqas l-aċċess tajjeb għall-ambulanza m’hemm għal meta jinqala’ l-bżonn. Naf li kien hemm ħafna diskussjonijiet biex din il-problema titranġa għal dawn l-aħħar sentejn, biss naħseb wasal iż-żmien li issa naslu għas-soluzzjonijiet”, temm jgħid Alex Borg.