Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Flimkien irridu nfasslu l-Ewropa ta’ għada” – Roberta Metsola

Fl-għeluq tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li meta nitkellmu dwar il-libertà, ifisser li nkunu qed nemmnu f’libertà li tagħżel, li tivvota kif tixtieq, li tgħix, li ma taqbilx mingħajr ma jkun hemm ebda konsegwenza.  Saħqet li sfortunatament illum il-ġurnata dawn il-valuri fl-Ukrajna qed jispiċċaw attakkati bl-iktar mod brutali u dawn huma l-valuri li jbeżżgħu lid-dittaturi.

Roberta Metsola qalet li huwa kompitu tal-Ewropa li tkun kuraġġuża u tgħid lill-Ukrajna li postha huwa fl-Unjoni Ewropea… li tgħin bl-aħjar mod possibbli fir-riżorsi tas-saħħa, l-enerġija u s-sigurtà.

Hija saħqet li filwaqt li ta’ kuljum qed inkomplu nisimgħu dwar dak li għaddej minnu l-poplu Ukren, filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija qed jgħolew, filwaqt li l-pajjiżi għadhom qed iħossu d-daqqa tal-pandemija tal-Covid, filwaqt li l-ekonomija diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika qed tikkawża ansjeta daqskemm eċitament,… jeħtieġ li l-Ewropa tibqa’ tispira u tgħaqqad lin-nies… tibqa’ kuraġġuża u ma tibża’ minn xejn.

Roberta Metsola żiedet tgħid li dan huwa mument storiku għall-Unjoni Ewropea hekk kif fil-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew kif ukoll fil-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea hemm żewġ nisa u mhix kumbinazzjoni li t-tnejn ġejjin mill-familja tal-Partit Popolari Ewropew.

Il-President tal-Parlament Ewropew enfasizzat l-importanza li nfasslu l-Ewropa li rridu għall-futur għax jekk dan ma jsirx ikun ifisser li qed inħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalina.

Ma naqasx li waqt id-diskors tagħha Roberta Metsola tawgura lil Manfred Weber għall-kariga ġdida tiegħu filwaqt li rringrazzjat lil Donald Tusk għall-ħidma tiegħu matul is-snin.