Lokali

“Il-Gvern għandu jippubblika t-termini ma’ timeframe ċar biex titlesta l-investigazzjoni” – PN

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Intern, Sigurtà u Riformi, Joe Giglio, fakkar kif illum sirna nafu mill-gazzetta Times of Malta li l-Gvern laqa’ t-talba li għamilet l-Oppożizzjoni biex issir investigazzjoni indipendenti dwar l-operat tal-Pulizija fil-każ Iosif Galea.

Id-Deputat Joe Giglio qal li dan huwa pass żgħir li għandhu jgħin biex nerġgħu nibdew nibnu l-kredibilitá fil-Korp tal-Pulizija. Hu saħaq li kien ikun ferm aħjar pero li nsiru nafu dan mingħand il-Gvern ġaladarba wkoll din kienet proposta tal-Oppożizzjoni għaliex “hekk titlob is-serjetá u l-maturitá.”

Il-Partit Nazzjonalista se jinsisti li l-Gvern jippubblika t-termini mogħtija lill-Imħallef Depasquale flimkien ma’ timeframe ċar biex titlesta l-investigazzjoni. Joe Giglio qal li l-Gvern għandu wkoll jintrabat minn issa li jippubblika r-rapport sħiħ li se jħejji l-Imħallef Depasquale.

L-istqarrija temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista se joffri id ta’ kooperazzjoni lill-Imħallef u lill-Gvern biex jinstab tarf ta’ din il-kobba mħabbla darba għal dejjem.