Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-reġjun kollu ta’ Donetsk mibdul totalment f’kamp ta’ battalja

Il-Gvernatur ta’ Donetsk, Pavlo Kyrylenko, qal li l-attakki indiskriminattivi mhumiex jonqsu fuq iċ-ċivili li qegħdin jgħixu f’din iz-zona fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Dan waqt li Kyrylenko – filwaqt li ħareġ il-filmati tal-qawwiet Russi waqt li kienu qegħdin jibbumbardjaw l-inħawi residenzjali fil-belt ta’ Slovyansk – sostna li ‘it-territorju kollu tar-reġjun ta’ Donetsk, issa, inbidel f’kamp ta’ battalja enormi u totali’….Zona ta’ qtil fejn il-ħajja ta’ ħadd mhi qed tkun irrispettata min-naħa tar-Russi.

Il-Gvernatur u awtoritajiet oħrajn f’Donetsk, fil-fatt, qed jgħidu li kull ċivili fl-inħawi ta’ dan ir-reġjun spiċċa mira għall-magna tal-gwerra tar-Russja – b’kull ħajja mitlufa u kull bini meqruda jfakkru li ma jeżistu l-ebda zoni tas-sigurtà f’dik il-parti tal-Ukrajna.

L-evakwazzjoni ta’ ċivili mill-inħawi partikulari qed tidher diffiċli daqs is-sitwazzjoni li teżisti bħalissa f’Severodonetsk, belt prinċipali fid-Donbas li tinsab assedjata ‘minn kull naħa’ waqt li l-qawwiet tar-Russja qegħdin jippruvaw minn kollox biex jiksbu rebħa militari kruċjali.

Filwaqt li l-ġlied fid-Donetsk ilu jintensifika għal aktar minn ġimgħa, ir-Russja kompliet tirranka l-kampanja militari biex tilħaq it-tragward ‘ta’ kontroll sħiħ u assolut fid-Donbas’…Dan wara li l-qawwiet tal-President Russu, Vladimir Putin, fallew milli jaħtfu lil Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna.