Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ikkonferma li pajjiżu għandu jibgħat is-sistemi tal-missili lill-Ukrajna bil-għan li l-poplu tal-President Volodymyr Zelensky jiddefendi ruħu aħjar kontra l-aggressjoni tar-Russja.
L-armamenti inkwistjoni – li l-Ukrajna ilha titlob – għandhom jgħinu biex il-qawwiet Ukreni jolqtu b’mod aktar preċiż lill-militar Russu f’pajjiżhom.
L-istess armamenti huma partikularment effettivi minn distanzi kbar u l-Istati Uniti, sa ftit ilu, kienet qed tirrifjuta li tissupplixxi lill-Ukreni b’dawn il-missili minħabba l-biża’ li l-qawwiet ta’ Zelensky jiddeċiedu li jimmiraw anki għall-ibliet tar-Russja man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Il-Kremlin ta’ Moska, sadanittant, esprima rabja għal dan il-pass mill-Istati Uniti, bil-kelliem ewlieni f’Moska, Dmitry Peskov, jakkuża lill-Amerikani ‘b’li qegħdin jitfgħu l-ħatab fuq in-nirien tal-konflitt b’mod intenzjonali’.
Il-Gvern Russu qal ukoll – mingħajr ma ħareġ b’dettalji– li t-trasferiment tal-armi ta’ kalibru kbir lill-Ukreni għandu jissarraf f’konsegwenzi li jistgħu jikkumplikaw din il-gwerra.
Intant, Joe Biden hu determinat biex din l-għajnuna fil-forma tal-armi ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ukrajna biex tkun tista’ tinnegozja aħjar mar-Russja ‘il quddiem. Dan meta Washington qed jittama li l-għajnuna inkwistjoni żżid il-potenzjal għal soluzzjoni diplomatika għall-gwerra li qed tavviċina l-mitt jum tagħha.
Madankollu, din il-politika ta’ Biden xorta tibqa’ waħda ferm sensittiva u li kapaċi tirriżulta f’numru ta’ xenarji perikolużi u imprevedibbli.
Dan għaliex it-trasferiment ta’ armamenti aktar qawwija lill-Ukreni kapaċi jqanqal reazzjoni immedjata mir-Russja fuq livell li jżid is-sogru ta’ konflitt ( armat) dirett bejn Moska u l-Istati Uniti, bis-sehem tal-Istati alleati tan-NATO.
Fl-istess ħin, Biden enfasizza li l-Istati Uniti mhix se tipprova twarrab lill-President Russu Vladimir Putin mill-poter. Hu spjega wkoll li dment li r-Russja ma tattakkax lill-Istati Uniti jew il-pajjiżi alleati tan-NATO, l-Amerikani mgħandhomx jinvolvu ruħhom direttament fil-gwerra tal-Ukrajna.
//= $special ?>