Ambjent Lokali

Informazzjoni b’intenzjoni li tiżgwida lill-pubbliku

Fil-Jum Dinji tal-Ħalib, li ġie iċċelebrat fl-1 ta’ Ġunju 2022, il-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib Group (KPH Group) b’diżappunt kbir innutaw li fuq il-paġna uffiċjali tal-midja soċjali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Annimali ittellat post inaċċettabbli u li tinkludi informazzjoni b’intenzjoni li tiżgwida lill-pubbliku.

Il-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib, li l-membri tagħha huma r-raħħala lokali li jrabbu il-baqar tal-ħalib, jikkonfermaw li dawn ir-raħħala jagħmlu dak kollu meħtieġ biex il-baqar jinżammu f’kundizzjonijiet addattati skont l-istandards tal-Unjoni Ewropeja u biex l-irziezet ikunu konformi mar-regoli tad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji.

Il-ħalib frisk li jiġi mill-irziezet ta’ dawn ir-raħħala jiġi ippasturiżżat u jitqassam fil-ħwienet kollha fi żmien 24 siegħa. Għalhekk b’dan il-mod il-ħalib frisk lokali li jasal għand il-konsumatur, fih ħafna nutrijenti u benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem.

Il-KPH Group jħossu li l-iskop ta’ dan il-post hu li jiġġenera sensazzjoni bi skop ulterjuri u bil-għan li jagħmel ħsara lil dan is-settur tal-ħalib daqstant importanti għall-Gżejjer Maltin, u fl-istess ħin jippromovi użu ta’ prodotti importati. Dan meta jinsabu fi żmien diffiċli fejn jinħass il-bżonn li nippromwovu is-settur agrikolu lokali kollu għas-sigurta’ tal-ikel. Il-messaġġ li twassal f’dan il-post imur lill hinn mir-rwol li iġġorr il-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Annimali.

Huma saħqu li l-produttur tal-ħalib Malti jixraqlu ħafna aħjar minn hekk.