Lokali

IS-SAGA TA’ IOSIF GALEA: Byron Camilleri ma jweġibx id-domandi kollha ta’ Net News

Kompliet is-saga li qed iddur mal-isem ta’ Iosif Galea, il-persuna li minkejja li kien ilu madwar sena b’mandant ta’ arrest Ewropew fuq rasu mill-Pulizija Ġermaniża tħalla jitlaq minn pajjiżna mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan hekk kif Galea, il-konsulent tal-gaming, ġie arrestat fl-Italja. Arrest li seħħ fuq każ separat b’rabta ma’ investigazzjoni mwettqa mill-Pulizija Ġermaniża rigward evażjoni ta’ taxxa.

Iosif Galea ġie arrestat waqt li kien vaganza fl-Italja ma’ grupp ta’ ħbieb. Fejn kumbinazzjoni, kien hemm miegħu l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ma ta ebda spjegazzjoni dwar kif u għal liema raġuni Iosif Galea tħalla joħroġ mill-pajjiż, minkejja li kellu mandat ta’ arrest Ewropew. U issa ħarġet l-aħbar li l-Independent Police Complaints Board u l-Imħallef irtirat Franco Depasquale li jmexxih, se jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom biex jaraw x’mar ħażin biex Iosif Galea joħroġ mill-pajjiż minflok ikun arrestat.

Dwar din l-investigazzjoni, staqsejna lill-Ministru inkarigat mill-Pulizija, Byron Camilleri. Li għalkemm fuq suġġett ta’ importanza għażel li ma jibqax għad-domandi kollha ta’ Net News. Staqsejna dwar it-timeframe tal-investigazzjoni u l-Ministru saħaq li hemm il-liġi li tgħid kif jopera dan il-bord fil-Korp tal-Pulizija “u naħseb li kulħadd kapaċi jara dik il-liġi.”

Filwaqt li l-Ministru inkarigat mis-settur li qiegħed taħt il-lenti bħalissa, ma baqax għad-domandi l-oħrajn ta’ Net News, din il-Kamra tal-aħbarijiet staqsiet lil numru ta’ Deputati tal-Partit Laburista għal aktar dettalji dwar din l-investigazzjoni.

L-eks Sindku tal-Furjana, illum backbencher Davina Sammut Hili qaltilna biss “grazzi” meta staqsejna jekk il-Gvern hux lest jippubblika l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni.

Meta mistoqsi l-istess domanda, is-Segretarju Parlamentari u Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Labour Andy Ellul qal li jaħseb li għadu stadju bikri u qal “ħsibtek se ssaqsini x’passi ħa l-Gvern.” Spjegajna lil Ellul li nafu x’passi ħa l-Gvern u minn naħa tiegħu qalilna biex “wieħed jirrispetta issa l-awtorità tal-eks Imħallef.”

Id-Deputat u Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista stqarr li “l-iktar ħaġa importanti hi li hemm investigazzjoni li qed titmexxa minn Imħallef li għandu r-rispett ta’ kulħadd.”

Minn naħa tiegħu, d-Deputat Glen Bedingfield saħaq li ma jistax jgħid jekk l-investigazzjoni tkunx ippublikata għaliex din hija xi ħaġa li trid timxi mal-proċeduri normali.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista se jinsisti li l-Gvern jippubblika t-termini mogħtija lill-Imħallef Depasquale flimkien ma’ timeframe ċar biex titlesta l-investigazzjoni. Il-Kelliem tal-PN għall-Intern, Joe Giglio, qal li l-Gvern għandu wkoll jintrabat minn issa li jippubblika r-rapport sħiħ li se jħejji l-Imħallef Depasquale.

Dan meta l-PN, fakkar kif kien biss fl-aħħar sigħat li sirna nafu mill-gazzetta Times of Malta li l-Gvern laqa’ t-talba li għamlet l-Oppożizzjoni biex issir investigazzjoni indipendenti dwar l-operat tal-Pulizija fil-każ Iosif Galea. Id-Deputat Joe Giglio qal li dan huwa pass żgħir li għandu jgħin biex nerġgħu nibdew nibnu l-kredibilitá fil-Korp tal-Pulizija.