F’Wembley Stadium intlagħbet l-ewwel edizzjoni tal-‘Finalissima’ partita bejn ir-rebbieħ tal-Kampjonati Ewropej u dak tal-Copa America. F’din l-ewwel edizzjoni il-partita kienet bejn l-Italja u l-Arġentina, bit-tim mill-Amerka t’Isfel jirbaħ din il-finali bl-iskor ta’ 3-0
Ħdax-il xahar wara li rebħu l-Kampjonati Ewropej, l-Italja rritornaw f’Wembley Stadium wara l-finali ta’ Lulju li għadda kontra l-Ingilterra fejn rebħu wara l-għoti tal-penalties. It-tim imexxi minn Roberto Mancini kien f’forma differenti minn dik tas-sajf li għadda anke għaliex ma rnexxielhomx jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja li se ssir aktar tard din is-sena. Minn naħa l-oħra l-Arġentina kienu dominanti u spikkaw it-talenti ta’ Lionel Messi u Angel Di Maria.
L-ewwel gowl tal-Arġentina wasal fit-28 minuta meta minn pass ta’ Lionel Messi kien Lautaro Martinez li għamel l-iskor 1-0. L-Arġentina prattikament għalqu l-partita ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kien Angel Di Maria li għamel l-iskor 2-0. It-tim Arġentin baqa’ jiddomina l-partita u kienu diversi saves tal-goalkeeper Gianluigi Donnarumma li ċaħdu lill-Arġentina milli jkomplu jkabbru r-riżultat. Lejn it-tmiem iżda kien Paolo Dybala li wara ftit minuti fil-ground għamel l-iskor finali 3-0.
//= $special ?>