It-tielet edizzjoni ta’ dik imsejjħa t-Tazza taċ-Champions illejla tlaqqa’ lin-nazzjonijiet tal-Italja u dak tal-Arġentina. Din it-tazza għaliha jilgħabu r-rebbieħa tat-Tazza Ewropea u dawk tal-Copa America u hija magħrufa wkoll bħala l-‘Finalissima’.
Il-coach Taljan Roberto Mancini mistenni jilgħab kemm jista jkun plejers li kienu parti mill-finali kontra l-Ingilterra iżda ammetta wkoll li din il-partita se tkun qed tfisser it-tmiem ta’ ċiklu wara d-diżappunt li l-Itaja ma’ kwalifikatx għat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar. Din il-partita se tkun waħda sinifikanti wkoll għad-difensur veteran Giorgio Chiellini li għalih se tkun l-aħħar waħda bil-flokk tal-Azzurri. Mistoqsi dwar xi tfisser din il-logħba għalih, Chiellini li għandu 37 sena u lagħab aktar minn 115 il-logħba għal pajjiżu qal li hija xi ħaġa sabiħa ħafna li se jtemm il-karriera Internazzjonali tiegħu b’dan il-mod. Huwa qal li l-Arġentina għandhom plejers eċċezzjonali li ovjament l-ewwel wieħed li jiġi f’moħħu huwa Lionel Messi, iżda l-plejers l-oħra huma fantastiċi wkoll. Chiellini sostna li l-Albiceleste ma’ rebħux il-Coppa America b’konbinazzjoni. Huwa qal ukoll li jinsab kuntent li lagħab l-ammont ta’ partiti li lagħab għall-Italja, fejn tul it-18-il sena kien captain u anke għolla tazzi importanti fosthom l-aħħar waħda fis-sajf li għadda f’Wembley.

Il-coach tal-Arġentina Lionel Scaloni qal li t-tim ilu jipprepara għal din il-partita għal ġimgħa sħiħa, xi ħaġa li kienet saret biss qabel il-Copa America. Scaloni qal li tilbes il-flokk tal-Arġentina jfisser li tagħti dak kollu possibli irrelevanti jekk jirbħux it-tazza jew le.
Din il-kompetizzjoni intlagħbet l-ewwel darba fl-1985 bi Franza toħroġ rebbieħa kontra l-Urugway 2-0. Fit-tieni edizzjoni l-Arġentina rebħet lid-Danimarka 2-1 b’din tkun l-aħħar darba li ntlagħbet qabel mas-sena l-oħra kien ikkonfermat ir-ritorn ta’ din it-tazza wara nuqqas ta’ 29 sena .
