Futbol Sport

Milan fi proċess li jinxtraw minn investituri Amerikani

(Ritratt: EPA)

Fi stqarrija uffiċjali, is-sidien attwali taċ-Champions Taljani Milan, Elliott Advisors UK Limited ħabbru li laħqu ftehim ma’ RedBird Capital Partners sabiex l-investituri Amerikani jixtru l-club Milanist għas-somma ta’ €1.2 biljun. Huma qalu wkoll li din it-tranżizzjoni se tkun qed issir matul ix-xhur tas-sajf li ġej u li hi maħsuba li tkun finalizzata sa mhux aktar tard minn Settembru ta’ din is-sena. Parti mill-qbil li sar bejn iż-żewġ kumpaniji jara lil Eliott Advisors iżommu parti mill-interessi finanzjarji kif ukoll rapreżentanza fil-Bord tad-Diretturi.

Fl-ewwel kummneti tiegħu, wieħed mis-sidien ta’ RedBird, Gerry Cardinale qal li jinsabu onorati li saru parti mill-istorja rispettabli u ta’ suċċess ta’ AC Milan u jinsabu eċitati biex jagħmlu l-parti tagħhom fil-kapitlu li jmiss tal-club li jerġa jinsab fejn jistħoqqlu, fil-quċċata tal-futbol Taljan kif ukoll f’dak Ewropew u globali. Cardinale qal li RedBird qed tħares ‘il quddiem għal relazzjoni fit-tul mal-club, it-tmexxija tiegħu kif ukoll mal-Milanisti madwar id-dinja.

Minn naħa tiegħu l-Managing Partner ta’ Eliott Advisors, Gordon Singer qal li meta l-kumpanija xtrat lil Milan lura fl-2018, hija witret club bi storja glorjuża iżda bi sfidi finanzjarji kbar kif ukoll b’riżultati u b’wirjiet medjokri f’dak li huwa futbol. Huwa kompla jgħid li l-pjan dak iż-żmien kien wieħed sempliċi, li tinħoloq stabiltà finanzjarja u li Milan jirritornaw fejn jixraqilhom, jikkometu fl-ogħla kompetizzjonijiet Ewropej. Singer qal li meta jħares lura jista jara li dawn il-miri ntlaħħqu kollha u li jinsab grat lejn kull min kien parti minn dan is-suċċess u li mingħajr l-għajnuna ta’ kulħadd dan ma kienx ikun possibli.