Raġel ta’ 39 sena minn Raħal Ġdid li għandu problema ta’ droga ġie mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo b’attentat ta’ serqa meta allegatament mar quddiem residenza ta’anzjana u nqabad fil-fatt mill-Pulizija. Owen John Carabott ġie mixli li fid-29 ta’ Mejju li għadda għall-ħabta tal-3.45pm. mar fi Triq Ħal Warda ġewwa Ħ’Attard bl-iskop li jwettaq delitt fil-konfront ta’ anzjana ta’ 75 sena.
L-Ispettur Ritienne Gauci xlietu li huwa mar quddiem ir-residenza tal-vittma bl-iskop li jikkommetti reat li ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tiegħu. L-akkużat informa lill-qorti li m’għandux meżżi biex iqabbad avukat biex jassistih u għalhekk inħatar l-Avukat Mark Mifsud Cutajar bħala avukat tal-għajuna legali. Id-difiża qalet li ma kinitx qed tikkontesta l-validità tal-arrest.
Il-prosekuzzjoni qalet li nhar il-Ħadd li għadda il-Pulizija ta’ Birkirkara kienet infurmata li kien hemm persuna li kien qed ibeżża’ n-nies f’Ħ’Attard. Il-Pulizija marret fuq il-post u sabet lil Carabott quddiem dar. inħabba li kien ħa xi mediċini huwa ttieħed il-poliklinika u li wara ġie referut għall-Isptar Monte Carmeli.
Wara li ġie rilaxxat reġa’ ġie arrestat u tressaq il-Qorti. Ma saritx talba għall-pleġġ imma biex Carabott jintbagħat fit-Taqsima Forensika tal-isptar Monte Carmeli. It-talba kienet milqugħa mill-Qorti.
//= $special ?>