Lokali

Persuni arrestati f’żewġ operazzjonijiet b’rabta ma’ traffikar ta’ droga

F’żewġ rejds separati li saru fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta milll-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, ġew arrestati seba’ persuni wara li nstab ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina lesta għat-traffikar.

L-ewwel operazzjoni saret fl-akwati Tal-Qroqq. Wara li l-Pulizija kellha informazzjoni dwar traffikar ta’ droga, il-Pulizija segwiet vettura u malli waslet fi Triq Maria Teresa Spinelli, iċċirkondawha u ġie arrestat raġel ta’ 53 sena. Fil-pussess tiegħu nstabu numru ta’ qratas bil- kokaina.

Aktar tard, il-Pulizija wettqu t-tieni operazzjoni, din id-darba f’appartament fi Triq Manuel Magri, il-Ħamrun. Minn dan l-appartament ġew arrestati sitt persuni, tlitt irġiel u tlitt nisa, li l-età tagħhom tvarja bejn l-20 sena u t-53 sena. Hawnhekk, il-Pulizija sabet ukoll ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina, kemm fi qratas lesta biex tkun traffikata u sustanza oħra li kienet fil-proċess biex tinqasam f’aktar qratas.

Il-Pulizija kkonfiskat ukoll ammont ta’ flus kontanti miż-żewġ postijiet.

Il-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca ġiet infurmata bi-sejba u ħatret inkjesta.