Sport Sport Ieħor

Rafael Nadal jegħleb lil Novak Djokovic u jagħmilha għas-semi-finali tal-French Open

(Ritratt: EPA)

F’konfront li dam aktar minn erba’ sigħat fir-Roland Garros, f’Pariġi, l-Ispanjol, rebbieħ ta’ 13-il titlu fil-French Open Rafael Nadal, għeleb lin-numru wieħed tad-dinja Novak Djokovic f’erba’ sets 6-2, 4-6, 6-2, 7-6. Nadal, li għandu 35 sena issa jinsab fis-semi finali bit-tama li jirbaħ dan it-titlu għall-14-il darba filwaqt li dan ikun għalih it-22 Grand Slam fil-karriera tiegħu.

Nadal kellu triq xejn faċli fil-preparazzjoni għal dan it-tournament hekk kif huwa kellu numru ta’ injuries b’waħda minnhom tkun fil-kustilji u li ħallietu barra mill-azzjoni għal ħames ġimgħat.

Fis-semi finali Nadal issa jaffronta lin-numru tlieta tad-dinja, il-Ġermaniż Alex Zverev, li fil-kwarti tal-finali elimina liż-żgħażugħ Spanjol ta’ 19-il sena Carlos Alcaraz.

Intant fil-kompetizzjoni singles tan-nisa, fl-istadju tal-Kwarti tal-Finali tar- Roland Garros, l-Amerikana ta’ 18-il sena, Coco Gauff rnexxilha tavvanza għas-semi-finali b’rebħa ta’ 7-5, 6-2 kontra Sloane Stephens. Gauff kienet rebħet it-titlu junior tal-French Open, fl-2018, fl-istess sena li Stephens kienet spiċċat finalist telliefa fis-singles tan-nisa, fir-Roland Garros. Gauff issa se tkun qed tilgħab kontra t-Taljana, seed numru 59 fid-dinja, Martina Trevisan, li fil-Kwarti tal-Finali għelbet lil Leylah Fernandez 6-2 6-7 (3-7) 6-3.

Coco Gauff wara li għelbet lil Sloane Stephens fil-Kwarti tal-Finali (Ritratt EPA)