Lokali

Raġel arrestat wara li darab diversi persuni b’sikkina u flixkun tal-ħġieġ fi stabiliment f’San Ġiljan

Ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija Spanjol daħal fi stabbiliment fi Triq il-Wilġa kantuniera ma’ Triq id-Dragunara, San Ġiljan u beda jaggredixxi lin-nies.

Il-Pulizija tad-Distrett u tar-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li raġel ta’ nazzjonalità Spanjola, daħal fl-istabbiliment, qabad sikkina u flixkun tal-ħġieġ li kienu fuq mejda u beda jaggredixxi lin-nies li kien hemm ġewwa.

Meta l-pulizija waslu fuq il-post ftit minuti wara, huma sabu lir-raġel, iżda kif kienu se jarrestawh, huwa ma bedix jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra kien aggressiv fil-konfront tagħhom. Minħabba f’hekk, il-Pulizija kellha tuża t-taser sabiex ir-raġel jiġi kkontrollat u mrażżan. Wara li ġie arrestat, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-osservazzjoni.

Minn iżjed investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-aggressur, qabel daħal fl-istabbiliment, għamel ħsara fuq Ford Focus li kienet qed tinstaq minn Pakistan ta’ 28 sena iżda b’xorti tajba, ix-xufier ma weġġax.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jassisti tliet persuni – raġel mill-Iżvizzera u żewġt irġiel Taljani – li sofrew ġrieħi kawża ta’ daqqiet mis-sikkina u l-flixkun li qalgħu mill-aggressur. Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura u aktar tard, ir-raġel mill-Iżvizzera ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li t-Taljani sofrew ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġie infurmat l-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin.