Futbol Sport

Tazza tad-Dinja Qatar 2022 – Play-Offs; Clarke jgħid li s-simpatija tieqaf fil-pitch

(Ritratt: (EPA)

Skozja u l-Ukrajna se jkunu qed jaffrontaw lil xulxin, illejla f’Hampden Park fi Glasgow, f’konfront dirett fejn ir-rebbieħ minn din il-partita se jkun qed jerġa’ jilgħab nhar il-Ħadd li ġej, fil-finali kontra Wales għal post fit-Tazza tad-Dinja li għandha ssir fil-Qatar, f’Novembru li ġej.

Oriġinarjament, din il-partita kellha tintlagħab f’Marzu li għadda, iżda kellha tiġi posposta għall-llum, 1 ta’ Ġunju, wara li r-Russja invadiet lill-Ukrajna, fi Frar li għadda.

Qabel dan il-konfront, tkellmu l-kowċis u l-plejers taż-żewġ pajjiżi rispettivi, bil-kowċ ta’ Skozja, Steve Clarke esprima solidarjetá massima mal-poplu Ukren għal dak kollu li għaddew u għadhom qed jgħaddu minhu, iżda fl-istess nifs daħaq li din l-istess simpatija għandha tieqaf fil-pitch u tul id-90 minuta tal-partita li tista’ twassalhom biex jagħmlu pass ieħor ‘il quddiem għal post fost il-finalisti tat-Tazza tad-Dinja.

Fil-konferenza stampa tal-Ukrajna, il-plejer ta’ Manchester City, champions tal-Ingilterra, Oleksandr Zinchenko infaqa’ jibki quddiem il-ġurnalisti internazzjonali, meta kien qed jitkellem bil-lingwa Ukrena biex jesprimi kemm f’dan il-mument hu importanti għall-poplu ta’ pajjiżu, l-Ukrajna, kieku kellhom jagħmluha sal-aħħar f’dan l-istadju ta’ kwalifikazzjoni u jkunu finalisti tat-Tazza tad-Dinja fl-aħħar ta’ din is-sena. Il-konfront tal-lejla fi Glasgow, se tkun l-ewwel partita internazzjonali għall-Ukrajna minn meta l-pajjiż beda’ isofri l-invażjoni Russa u l-poplu Ukren beda’ jiġi attakkat f’dahru stess.