Futbol Sport

Tottenham Hotspur jiffirmaw lil Ivan Perisic

(Ritratt: Tottenham Hotspurs)

Ivan Perisic se jerġa jilgħab taħt il-coach Antonio Conte hekk kif fis-sigħat li għaddew għadda mit-testijiet mediċi u sar plejer ġdid ta’ Tottenham Hotspur wara li l-kuntratt tiegħu ma’ Inter skadielu.

Il-midfielder Internazzjonali Kroat fl-aħħar seba’ staġuni kien fuq il-kotba ta’ Inter bi staġun minnhom, dak tal-2019/20 kien misluf għand Bayern Munich fil-Ġermanja. Ma’ Inter Perisic, li għandu 33 sena rebaħ l-Iscudetto fl-istaġun 2020/21 filwaqt li fl-esperjenza tiegħu fil-Ġermanja rebaħ il-Bundesliga. Fuq livell Internazzjonali Perisic s’issa lagħab 113-il partita għal pajjiżu u skorja 32 goal. Huwa kien strumentali biex il-Kroazja waslu sal-Finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 fir-Russja u fil-finali niżżel ismu fost l-iskorers iżda l-Kroati sfaw telliefa 4-2 kontra Franza.

Huwa ffirma kuntratt ta’ sentejn mat-tim minn Londra.