Futbol Sport

Wydad Casablanca champions tal-Afrika

(Ritratt: EPA)

L-attakkant Marokkin ta’ 26 sena, Zouheir El Moutaraji kien il-protagonista ta’ Wydad Casablanca tal-Marokk, hekk kif skorja ż-żewġ gowls fir-rebħa ta’ 2-0 li t-tim tiegħu rrnexxilu jikseb kontra Al Ahly tal-Eġittu fil-finali taċ-Champions League Afrikana li ntlagħbet f’Casablanca.

Dan is-suċċess għal Wydad jimmarka t-tielet titlu kontinentali f’din il-kompetizzjoni, wara li kienu rebħu dan it-trofew prestiġjuż fil-futbol Afrikan fl-1992 u l-2017. Aktar minn hekk, it-telfa fil-ġurnata għal Al Ahly ċaħdet lill-Eġizzjani milli jirbħu din il-kompetizzjoni għat-tielet sena infila.

El Moutaraji fetaħ l-iskor fil-partita wara kwarta logħob, b’konklużżjoni spettakolari. It-tieni gowl ta’ Wydad kien skorjat kmieni fit-tieni taqsima meta reġa’ kien l-istess El Moutaraji li kkonkluda fix-xibka avversarja, f’stadium li kien mimli partitarji ta’ Wydad peress li l-logħba intlagħbet fl-istadium tagħhom stess, liema deċiżjoni kienet meqjusa bħala waħda kontroversjali. Din kienet l-ewwel darba Ii l-partitarji tħallew jidħlu jsegwu l-finali taċ-Champions Leaague tal-Afrika, sa minn meta faqgħet il-pandemija tal-COVID-19, lura fl-2019.

L-awtur taż-żewġ goals ta’ Wydad, Zouheir El Moutaraji (Ritratt: EPA)

Wara l-partita, fit-toroq ta’ Casablanca kien hemm ċelebrazzjonijiet kbar mill-partitarji ta’ Wydad, f’lejl speċjali għall-partitarji ta’ dan it-tim Marokkin, hekk kif id-deċiżjoni li ħa l-kowċ, Walid Regragui fil-ġurnata, dik li jibda lil El Moutaraji sa mill-ewwel minuta, meta normalment ma kienx wieħed qed ikollu postu mal-ewwel ħdax fl-iskwadra, uriet li kienet il-mossa rebbieħa hekk kif l-attakkant skorja ż-żewġ gowls fil-finali kontra Al Ahly.