Lokali Qorti

Żieda ta’ €22,000 f’kumpens wara li ġie njorat il-fatt li kienet ilha taħdem 16-il sena

Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li t-Tribunal Industrijali żbalja meta ġie biex jagħti kumpens ifil-konfront ta’ mpjegata għax injora l-fatt li din kienet ilha taħdem mal-kumpanija għal 16-il sena. Għaldaqstant il-kumpens li ngħata li kien ta’ €6,000  tela’ għal €28,000. Dan kollu seħħ meta l-kumpanija Actavis kienet għaddejja minn problema u riedet tnaqqas il-ħaddiema.

Mireille Gheiti u Sylvia Bartolo, li kien jaħdmu bħala operators kienu ngħataw kumpens mit-Tribunal Industrijali ta’ €6,000 kull weħed wara li l-fabbrika li kienu jaħdmu fiha kienet għaddiet minn diffikultà u kellha tnaqqas l-impjegati. Dan wara li għal kuntarju ta’ ħaddiema oħra ma kienux ingħataw kumpens skont ftehim li kien sar. Huma fil-fatt kienu talbu lt-Tribunal Industrijali biex jingħataw il-kumpens mistħoqq lilhom.

Skema li kienet ħarġet il-kumpanija Actavitis kienet tgħid li min jirreżenja min jeddu kellu jingħata ħames ġimgħat paga għal kull sena li kienu ilu jaħdem mal-kumpanija u ż-żewġ tfajliet kienu lmentaw li ma ħadu l-ebda kumpens, bit-tribunal jiffissa s-somma ta’ €6,000.

Gheiti kienet ilha taħdem mal-kumpanija għal 16-il sena filwaqt li Bartolo erba’ snin u għalhekk Gheiti ressqet appell li nstema fil-Qorti mill-Imħallef Lawrence Mintoff, li laqa’ t-talba. Mireille Gheiti qalet li l-ħaddiema kienu ġew informati li minn erba’ shifts kienu se inaqqsuhom għal tlieta. Kien hemm min offra li jċedi postu għax ix-xogħol naqas.

Għall-ħabta ta’ Novembru, 2016, il-kumpanija  kienet ħabbret li se tnaqqas l-operat tagħha f’Malta għaliex kien naqsilha x-xogħol u ħabbret ukoll li kien se jkun hemm għadd ta’ sensji. Ingħad li dak iż-żmien il-General Workers’ Union, f’isem il[-ħaddiema membri tagħha, kienet ipproponiet li l-kumpanija toffri pakkett ta’ kumpens finanzjarju għal min volontarjament ried jirriżenja mill-impjieg.

Dan wara li numru ta’ ħaddiema kienu wrew interess li jitilqu mill-impjieg minn jeddhom, peress li ma setgħux jaħdmu skont l-iskema ta’ xiftijiet li ġiet proposta. It-tfajliet inkwistjoni qalu li l-kumpanija ħejjiet lista ta’ persuni u rwoli li kienu se jkunu milquta mis-sensji, u kkomunikat il-pożizzjoni tagħha lill-impjegati.

Essenzjament il-pożizzjoni tal-kumpannija kienet li f’każ li kien hemm persuni li ma kinux ser jintlaqtu mis-sensji minħabba fit-tħaddim tal-prinċipju ‘last in first out’, imma li kienu lesti li jitilqu mill-impjieg minflok il-persuni fl-istess rwol milquta mis-sensji, l-kumpanija kienet lesta li isalva’ l-impjieg tal-persuni fuq il-lista tas-sensji.

It-tfajliet, assistiti mill-avukat Christopher Vella, qalu li fil-laqgħat li saru bejn il-GWU u l-kumpanija, ġie propost li jkun hemm ħames ġimgħat salarju għal kull sena servizz b’żieda mal-kumpens għan-notice skont il-liġi, iżda meta din il-proposta tressqet lill-ħaddiema tal-fabbrika tal-kumpanija, din ġiet rifjutata.

Gheiti u Bartolo qalu li f’dawn il-laqgħat, il-kumpanija offriet 35 pakkett ta’ kumpens ta’ ħames ġimgħat salarju għal kull sena servizz, u ddikjarat li ma kinitx sejra ttejjeb dik l-offerta, li għalhekk kellha titqies bħala ‘take it or leave it’. Kien hemm numru ta’ ħaddiema, fosthom iż-żewġ impjegati, li volontarjament tefgħu ir-riżenja tagħhom, bit-tir li kienu se jirċievu s-somma kif proposta mill-kumpanija fil-laqgħat ta’ konċiljazzjoni.

Qalu li l-kumpanija aċċettat ir-riżenji kollha, nkluż tagħhom, iżda filwaqt li l-ħaddiema sħabhom irċevew il-pakkett tal-kumpens offrut, huma rċevew biss l-aċċettazzjoni tar-riżenja, mingħajr il-kumpens ta’ ħames ġimgħat salarju għal kull sena servizz, kif ħadu l-ħaddiema sħabhom.

Iż-żewġ tfajliet qalu li għalhekk b’dan l-aġir il-kumpanija rrendiet ruħha ħatja ta’ diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom. Mireille Gheiti, fix-xhieda tagħha qalet li l-manager tat-Taqsima fejn kienet taħdem kienet ħeġġitha tagħti r-riżenja tagħha sabiex tkun biċ-ċans li tieħu l-pakkett li kienet qegħda toffri l-kumpanija.

Ix-xhud qalet li kienet għamlet verifiki, u sabet li hija kienet l-10 waħda li tat ir-riżenja tagħha. Qalet li l-manager tagħha kienet assigurataha li hija kienet se tingħata l-pakkett offrut. Gheiti qalet li kull min ta r-riżenja tiegħu dak iż-żmien, għamel dan bil-ħsieb li jieħu somma flus, u fil-każ tagħha din kienet tammonta għal madwar €28,000,

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li  t-Tribunal ma kellux għalfejn jagħmel wisq konsiderazzjonijiet sabiex jispjega għal liema raġuni wasal għad-deċiżjoni tiegħu. Il-Qorti qalet li t-Tribunal kellu obbligu jimmotiva l-parti tad-deċiżjoni appellata fejn llikwida l-kumpens dovut, ladarba ma żammx mal-kriterji stabbiliti oġġettivament.  

Għaldaqstant il-Qorti tqis l-aggravju huwa ġustifikat. Għaldaqstant varjat id-deċiżjoni fis-sens li illikwidat kumpens ġust u ekwu dovut lil Ghieti fis-somma ta’ €28,000, u ordna lil Actavis tħallas tali ammont hekk likwidat.