Wara d-daqqa qawwija li ħa kawża tal-pandemija, is-settur turistiku jidher li qed jirkupra sew, tant li matul ix-xahar ta’ April daħlu f’pajjiżna aktar minn 185,000 turist.
Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, aktar minn 175,000 minnhom żaru pajjiżna għal perjodu ta’ vaganza, filwaqt li aktar minn 10,000 ġew għal raġunijiet ta’ xogħol. Fost dawn kollha, l-aktar li ġew kienu persuni li għandhom bejn 25 u 44 sena, segwiti minn dawk ta’ bejn il-45 u l-64 sena.
Min-naħa l-oħra, l-aktar li żaru pajjiżna kienu residenti tal-Unjoni Ewropea, bil-Franċiżi, il-Ġermaniżi u t-Taljani jgħoddu aktar minn 38%.
L-istatistika turi wkoll kif it-turisti qattgħu medja ta’ 6.2 iljieli u hu stmat li nefqu bejniethom aktar minn €138 miljun jew medja ta’ €113 għal kull lejl.
Meta wieħed iħares lejn l-istatistika għall-ewwel erba’ xhur tas-sena, l-ammont ta’ turisti ammonta għal ftit anqas minn 430,000, filwaqt li l-għadd ta’ ljieli ammonta għal aktar minn 3 miljuni. Barra minhekk, bejn Jannar u April hu stmat li t-turisti nefqu aktar minn €305 miljun jew madwar €700 matul iż-żjara kollha minn kull turist.
//= $special ?>