F’logħba oħra missielta għall-aħħar mill-Kwarti tal-Finali tal-French Open, in-Norveġiż Casper Ruud kellu jitħabat mhux ħażin biex għeleb lid-Daniż Holger Rune 6-1 4-6 7-6(2) 6-3. Għalkemm l-ewwel set Ruud rebħu 6-1 Rune kiber matul il-kors tal-logħba u ta battikata mhux ħażin lil Ruud b’din ta’ bejniethom tkun ir-raba’ darba li ltaqgħu f’partita kompetittiva.
Fis-semi-finali, Casper Ruud issa jilgħab kontra l-Kroat Marin Ciic li fil-Kwarti tal-Finali elimina lir-Russu Andrey Rublev, filwaqt li s-semi finali l-oħra tara lil Rafael Nadal jilgħab kontra l-Ġemraniż Alex Zverev.

Intant fis-singles tan-nisa Iga Swiatek għelbet lil Jessica Pegula 6-3 6-2 biex hi wkoll għamlitha għas-semi-finali tal-French Open. Is-sid numru wieħed tad-dinja issa tilgħab kontra Daria Kasatkina wara li din tal-aħħar eliminat lil Veronika Kudermetova 6-4 7-5 (5) biex b’hekk għamlitha għall-ewwel semi-finali ta’ Grand Slam fil-karriera tagħha.
