Sport Waterpolo

Il-familja tal-Waterpolo f’luttu wara li tħabbret il-mewt ta’ Charles Mock

Tħabbret il-mewt ta’ Charles Mock fl-età ta’ 85 sena, isem sinonimu mal-isport akwatiku b’mod partikolari l-waterpolo. Mock kien meqjus minn ħafna bħala ġentlom u bniedem ta’ edukzzjoni u mħabba lejn l-isport, tant li sal-aħħar xhur kien għadu jattendi b’mod regolari biex isegwi l-logħbiet tal-waterpolo fil-Pixxina Nazzjonali.

Il-kontribuzzjoni ta’ Mock fil-waterpolo jmur lura aktar minn 70 sena ilu. Bejn il-bidu tas-snin 50 u l-bidu tas-snin 70, lagħab ma’ Balluta WPC. Bħala gowlkiper tat-tim, kellu sehem biex it-tim minn San Ġiljan rebaħ il-kampjonat ħames darbiet, filwaqt li f’ħafna minn dan il-perjodu kien il-gowlkiper tat-tim nazzjonali.

Wara li rtira, Mock kompla jagħti l-kontribut tiegħu bħala kowċ fejn kważi mess ma’ kull klabb, dejjem biex joffri l-għarfien tiegħu fil-waterpolo. Hu mexxa timijiet bħal Ta’ Xbiex, Birżebbuġa, Sirens, Valletta, Balluta, San Ġiljan kif ukoll lil Sliema u Neptunes fis-settur taż-żgħażagħ.

Fost is-suċċessi li kiseb bħala kowċ, mexxa lil Birżebbuġa għar-rebħ tat-Tieni Diviżjoni fl-1973, lil Valletta għar-rebħ tal-kampjonat fl-1985 u lil San Ġiljan għar-rebħ tal-kampjonat fl-1993.

Minbarra li għamel isem għalih fil-waterpolo, Charles Mock kien iħobb l-għawm u qasam il-Kanal ta’ Għawdex xejn anqas minn erba’ darbiet. Il-professjoni tiegħu ta’ għalliem wasslet biex seta’ jressaq lit-tfal u jibdew iħobbu l-isport, b’esperjenza ta’ 30 sena fil-Kulleġġ ta’ St. Edward. Mock kien jilgħab ukoll il-futbol u għen ukoll bħala referee.

Mock li ddaħħal fil-Hall of Fame tal-Kumitat Olimpiku Malti fl-2009, għamel perjodu wkoll bħala ġurnalist sportiv b’kollegamenti diretti fuq ir-radju.

Charles Mock fit-tmexxija ta’ Ta’ Xbiex rebbieħa tat-Tieni Diviżjoni fl-1994