Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Iffuċillati talli ma kkooperawx mal-awtoritajiet ‘ġodda’ f’ Mariupol

Kollox jindika li l-awtoritajiet favur ir-Russja li qed jikkonsolidaw il-poter fil-belt ta’ Mariupol ( illum ikkontrollata mir-Russi) qegħdin jinfexxu f’aktar atroċitajiet kontra r-residenti tal-lokalità.

Numru ta’ ġurnalisti barranin semgħu mingħand elementi qrib il-kunsill tal-belt ta’ Mariupol li l-voluntiera li għenu lill-qawwiet regolari Ukreni biex jirreżistu lill-aggressuri Russi qegħdin jintefgħu l-ħabs u anki, f’xi każi, jispiċċaw iffuċillati.

Dawn ‘ir-reati’ qed isiru wkoll fil-konfront ta’ uffiċjali Ukreni ta’ Mariupol u l-villaġġi fil-madwar li qed jirrifjutaw li jikkollaboraw mal-awtoritajiet Russi.

Ir-rapporti qed jgħidu li ‘tribunal fl-hekk-imsejħa Repubblika ta’ Donetsk u li mhi rikonoxxuta minn ħadd ħlief ir-Russja’ ikkundannat lill-kap ta’ villaġġ qrib il-kosta ta’ Azov għal għaxar snin ħabs — minbarra li fuċillat lil uffiċjal ċivili ewlieni li ‘baqa’ jisfida sal-aħħar lir-Russi’.

Sadanittant, il-kunsill ta’ Mariupol qal li għexieren ta’ voluntiera li għenu bl-evakwazzjoni tar-residenti Ukreni fit-trasport tal-ikel u l-ilma liċ-ċivili waqt assedju ta’ ġimgħat fuq il-belt, qegħdin jinżammu priġuniera fil-kumpless tal-ħabs ta’ Olenivka.