Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-President Zelensky jgħid li l-qawwiet Russi qed jikkontrollaw 20 fil-mija ta’ artu

Il-gwerra tal-Ukrajna għaddejja mill-aktar fażi deċiżiva mindu l-qawwiet tar-Russja qasmu l-fruntiera biex jinvadu l-artijiet tal-Ukreni fl-24 ta’ Frar li għadda.

U għalkemm ir-Russi tilfu – u għadhom qed jitilfu – kwantità allarmanti ta’ truppi u tagħmir tal-gwerra f’din il-kampanja militari, jidher li s-suldati ta’ Vladimir Putin, bil-mod il-mod, qegħdin jiksbu numru ta’ rebħiet militari li jistgħu jkunu kruċjali għall-ambizzjonijiet tal-Kremlin.

Sadanittant, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky – li għadu qed jitlob lill-Punent għall-armamenti sofistikati biex jiddefendi lil pajjiżu aħjar – qal li t-truppi tar-Russja, issa, qegħdin jikkontrollaw mal-20 fil-mija tat-territorju tal-Ukrajna.

L-indikazzjonijiet huma li l-Ukreni – minkejja li rnexxielhom jirreżistu għal 100 jum kontra l-qawwiet ta’ Moska – qegħdin jitilfu aktar art quddiem l-avvanzi tal-militar ta’ Putin fir-reġjun tad-Donbas, fl-artijiet Ukreni tal-lvant.

Dan waqt li Serhiy Haidai, il-Kap ta’ Luhansk – reġjun separatista li jagħmel parti mid-Donbas – sostna li l-Armata tar-Russja qed tipprova tkisser lid-difiżi tal-Ukreni f’dawk l-ibnadi permezz ta’ sensiela ta’ offensivi ‘li qed tmexxi minn kull naħa’.

Fl-aħħar sigħat ukoll, kienu qed ikomplu l-battalji feroċi bejn ir-Russi u d-difensuri Ukreni fil-belt ewlenija ta’ Severodonetsk, li, fil-parti kbira, waqgħet taħt il-kontroll tal-Armata ta’ Putin.

F’każ li Severodonetsk taqa’ lir-Russi, il-Kremlin ikun kważi aċċerta mill-kontroll sħiħ ta’ Luhansk – u liema tragward jinkwadra fl-ambizzjonijiet ta’ Moska biex tikkontrolla t-territorju kollu tad-Donbas fejn huma bbażati s-separatisti favur Putin.

Ir-Russja, fl-istess ħin, qed tkompli tikkritika lill-Istati Uniti talli l-Amerikani qed jippjanaw biex jibgħatu sistemi avvanzati tal-artillerija lill-Ukreni bil-għan li l-poplu ta’ Volodymyr Zelensky jirreżisti b’mod aktar effettiv għall-attakki tal-Kremlin.

Sadanittant, in-Nazzjonijiet Uniti qalet li kważi 15-il miljun Ukreni kienu sfurzati li jaħarbu minn djarhom b’kaġun tal-battalji li ilhom jiżbruffaw f’pajjiżhom mill-aħħar ta’ Frar.