Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja mitluba tikkoopera fl-investigazzjonijiet dwar reati

Il-komunità internazzjonali – l-istess bħall-Qorti Kriminali Internazzjonali – qed issejjaħ biex ir-Russja tikkoopera mal-investigazzjonijiet dwar allegati reati tal-gwerra li twettqu mill-qawwiet tal-Kremlin fl-Ukrajna.

Il-prosekutur ewlieni ta’ din il-qorti, Karim Khan, qal li l-uffiċjali Russi, sallum, irrifjutaw li jaħdmu spalla ma’ spalla mal-esperti barranin fl-inkjesta dwar il-każi fejn numri sostanzjali ta’ ċivili Ukreni spiċċaw immassakrati mis-suldati Russi qabel talaħħar telqu mill-ibliet tal-Ukrajna li kienu qed jokkupaw.

Sadanittant, il-Qorti Kriminali Internazzjonali għamlitha ċara li l-bibien tagħha huma dejjem miftuħin ‘f’każ li r-Russja tixtieq li tgħin fl-investigazzjonijiet’.

U waqt li, xi jiem ilu, kien ikkonfermat li mietu ‘il fuq sew minn 4,000 ċivili fil-gwerra tal-Ukrajna, Karim Khan qal li se jibqa’ ‘iħabbat fuq il-bibien tal-federazzjoni Russa’ bit-tama li jinxteħet dawl fuq id-destin kiefer ta’ daqstant ċivili Ukreni….Vittmi ta’ invażjoni u ta’ gwerra li ħadd ma ried ħlief il-President Russu, Vladimir Putin.

Fl-istess ħin, din il-Qorti Ewlenija qed titlob lir-Russja biex taqsam magħha kwalunkwe informazzjoni relevanti ‘f’każ li r-Russi jistgħu qed imexxu l-investigazzjonijiet tagħhom dwar il-qtil ta’ ċivili fl-Ukrajna’. L-istess qorti anki tixtieq li tkun infurmata ‘f’każ li r-Russja stess qed tipproċessa lil xi kriminali tal-gwerra Russi’ u avolja din il-possibbiltà qed tidher remota ferm.

La l-Ukrajna u lanqas ir-Russja mhuma membri tal-Qorti Kriminali Internazzjonali – iżda l-Ukreni dejjem ikkooperaw mal-uffiċċju ta’ Khan waqt l-investigazzjonijiet, minbarra li aċċettaw kull ġurisdizzjoni tal-qorti.

U filwaqt li Khan innota li għandha ssir il-ġustizzja ma’ kwalunkwe protagonista f’xi reat tal-gwerra, il-prosekutur ma jridx jikkonferma jekk Vladimir Putin innifsu jistax jissemma bħala suspettat minħabba li kien hu li ħareġ direttiva għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin.