Raġel ta’ 44 sena li xogħlu hu li jqiegħed il-madum ammetta quddiem il-Maġistrat Nadine Lia li fis-sajf ta’ sitt snin ilu huwa ħa s-somma ta’ €1,450 lil żewġ klijenti biex iqiegħedilhom il-madum fid-dar imma baqa’ ma għamel xejn u għalhekk ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.
Huwa qal li ħa l-flus sabiex xtara materjal għal ħaddiehor iħda minghajr l-ebda skop hazin u offra li jagħmel tajjeb ghall-ispejjez li daħlu fihom il-vittmi. George Alfred Borg mill-Belt ftiehem ma’ żewġt irġiel li jagħmel xogħol għalihom u ħadilhom €750 u €700 rispettivament bħala depożitu imma x-xogħol qatt ma sar u l-flus żammhom għalih. Il-ftehim fuq dan ix-xogħol kien sar f’Awwissu tal-2016 u fix-xhur ta’ qabel.
Wara li għadda ż-żmien l-irġiel migduma għamlu rapport lill-Pulizija, bl-Ispettur Claire Borg tinvestiga l-każ. L-interogazzjoni ta’ Borg saret il-ħabs peress li huwa kien qed jiskonta piena fuq sentenza oħra. Borg ammetta li ħa flus liż-żewġt irġiel u li kien uża d-depożiti biex xtara il-materjal u offra li jagħmel tajjeb liż-żewġ vittmi.
Wieħed mill-vittma qal li għamel madwar tliet ġimghat jipprova jkellem lill-imputat u jaqbdu bil-mobile iżda ġeneralment ma kienx jaqbdu, u fid-darba li qabdu, l-imputat qallu li kien weġġa’ u setax jahdem. Ġara li x-xhud ra lill-imputat Rahal Gdid u waqaf ikellmu. L-imputat kien stqarr miegħu li kellu xi problemi bil-Qorti u ma setax
iroddlu l-flus lura għalissa
Iż-żewġ vittmi xehdu u fuq ammissjoni tiegħu stess il-Maġistrat Lia sabet lil Borg ħati tal-akkuża miġjuba kontrih. Meta ġiet biex tagħti l-piena hija qieset li f’25 sena Borg instab ħati ta’ bosta reati u minbarra s-sentenza sospiża ta’ ħabs ordnatlu jirrifondi lill-vittmi dak li ħadilhom.

