Lokali

KAŻ ANTHONY BORG: Il-Ministru Zrinzo Azzopardi m’għamilx ix-xogħol ta’ skrutinju kif meħtieġ – PN

“Din hija ġlieda fil-mentalità – il-ħażin jibqa’ ħażin jagħmlu min jagħmlu”

In-nomina tas-Sur Borg kienet kompletament inaċċettabli wara l-ammissjoni ċara u tonda magħmula minnu.

Hekk sostna l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall- Ġustizzja, Karol Aquilina, f’konferenza tal-aħbarijiet akkumpanjat mid-Deputati Nazzjonalisti Adrian Delia u Julie Zahra. 

Huwa saħaq li l-kumitat tal-ħatriet pubbliċi huwa fdat biex jara persuni taqdix xogħlha iżda wkoll biex jara wkoll jekk għandhiex is-sinsla li timxi bir-riga legali u korretta…għaldaqstant, minkejja r-reżistenza tal-Gvern talbu biex ikollhom il-fedina penali ta’ kull min jersaq għal kariga għolja…kif ukoll dokumenti relatati ma xogħlu.

Filwaqt li Karol Aquilina minnufih mar għamel rapport lill-Pulizija rigward dan kollu..huwa spjega li għamel ir-rapport mal-Ispettur Hubert Cini….wara li insista li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ma kellux hin għalih.

Dan wara li matul il-grilling li kien qiegħed isir fil-kumitat Anthony Borg, li kien nominat mill-Ministru tal-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi sabiex jinħatar chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar, ammetta li ma rrapportax attentat ta’ tixħim.

Borg ammetta li l-każ seħħ 12-il sena ilu meta uffiċjal tal-Pulizija avviċinah b’envelope sabiex jitolbu pjaċir. Filwaqt li huwa insista li kien irrifjuta li jinxtara…madanakollu mistoqsi mill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti Adrian Delia u Karol Aquilina…huwa ammetta li ma rrapportax il-każ lill-Pulizija.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Adrian Delia insista li.l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi għandu jġorr ir-responsabbiltà l-għaliex kellu jagħmel l-iskrutinju meħtieġ qabel għażel li Anthony Borg ikun idonju.

Huwa insista kif il-Ministri tal-Gvern matul il-laqgħa tal-kumitat xorta waħda baqgħu jiddefendu din l-ammissjoni daqslikieku kienet l-aktar ħaġa normali. Dan filwaqt li stqarr li din hija ġlieda fil-mentalità, hekk kif sostna li l-ħażin jibqa’ ħażin…jagħmlu min jagħmlu.

Dan filwaqt li d-Deputat Julie Zahra saħqet li kien biss bis-sehem tad-Deputati Nazzjonalisti li dan il-pass ittieħed kif inhu mistenni, l-għaliex tenniet Zahra, li li kieku għall-Gvern tal-Labour kollox kkien jibqa’ għaddej b’mod normali.

Intant, il-Ministru Zrinzo Azzopardi ħabbar li informa lil Anthony Borg li n-nomina tiegħu ġiet irtirata.

Id-Deputati Nazzjonalisti membri fil-kumitat tal-ħatriet pubbliċi temmew jgħidu li ma jistax ikun li l-Ministru ma jagħmilx xogħlu qabel ma jippreżenta n-nomina tiegħu quddiem il-kumitat…u agħar minn hekk…jekk Borg kien onest darbtejn, jiġifieri ankè quddiem Zrinzo Azzopardi…is-sitwazzjoni hija agħar milli qed naħsbu.