Lokali Qorti

Kommossjoni fil-Qorti hekk kif ir-raba’ persuna titressaq fuq traffikar ta’ tfajliet mill-Amerika t’Isfel għall-prostituzzjoni

Mara, li kienet miċħuda l-libertà proviżorja fuq akkużi ta’ traffikar ta’ persuni il-Ħamis waranofsinhar, irreżistiet fiżikament li tittieħed lura l-ħabs u kienet agressiva ma’ uffiċjali tal-pulizija barra l-awla. Hanina Khattawi ta’ 27 sena, residenti Għawdex kienet ir-raba’ persuna li ġiet akkużata b’rabta ma’ investigazzjoni tal-pulizija dwar grupp kriminali li ttraffika n-nisa mill-Amerika t’Isfel għal xogħol sesswali.

Fil-Qorti ħareġ li hija ġiet arrestata wara li l-pulizija sabuha f’ post fejn kienet qed tistaħba. Il-mara tressqet quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco, akkużata b’reati relatati mat-traffikar ta’ persuni mill-Ispettur Joseph Busuttil. Hekk kif bdiet is-seduta, l-avukat tal-għajnuna legali tal-mara Josette Sultana talbet lill-qorti timponi projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat, sabiex tipproteġi l-impjieg u l-familja tagħha.

Ingħad li kien biss riċentament li hija bdiet taħdem bħala dishwasher f’ristorant, hija qalet, “Jekk nitlef ix-xogħol, nitlef kollox,” tenniet l-akkużata. L-Ispettur Busuttil spjega li din hija r-raba’ persuna li tressqet il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ, u żied li ma kien hemm l-ebda bażi legali li l-Qorti tipprojbixxi l-pubblikazzjoni ta’ isimha.

Wara li kkunsidrat il-kwistjoni, il-Maġistrat iddeċidiet li r-raġunijiet mogħtija ma kinux biżżejjed biex tintlaqa’ t-talba tad-difiża għal projbizzjoni ta’ pubblikazzjoni. Khattawi wieġbet mhux ħati tal-akkużi. Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekutur Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u informat lill-maġistrat li kien hemm involuti vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin li mistennija jixhdu fil-każ kontra t-tliet irġiel l-oħra fil-jiem li ġejjin.

L-indirizz ipprovdut mill-mara rriżulta li kien garaxx li mhuwiex abitabbli, żiedet tgħid Grima. L-Ispettur Busuttil żied jgħid li kienet akkużata b’reat skedat li dwaru l-qorti kienet obbligata li ma tagħtix il-libertà proviżorja. Il-Maġistrat Lanfranco ċaħdet it-talba tal-mara għall-ħelsien mill-arrest, u dan minħabba n-nuqqas ta’ indirizz fiss tagħha, in-natura serja tar-reati li bihom hija akkużata l-mara, u nnotat li l-akkużi kienu jinkludu t-traffikar tal-bnedmin, “li huwa reat skedat, u reat internazzjonali..”

Il-Qorti żiedet tgħid li l-libertà proviżorja lanqas ma kienet qed tingħata fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri kienu għadhom kemm bdew u l-allegati vittmi f’dan il-każ kienu għadhom ma xehdux, Il-qorti ordnat projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-vittmi taħt l-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità. Barra l-awla, wara li spiċċat is-seduta, il-mara instemgħet tissielet u tirreżisti lill-pulizija, tgħajjat ​​u tidgħi u tinsultenta b’mod dispreġġattiv lill-ispettur, wara li l-maġistrat kienet talbitu biex imur jara x’inhu għaddej.

L-Ispettur Joseph Busuttil mexxa l-prosekuzzjoni, assistit mill-avukati Darlene Grima u Ramon Bonnett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Josette Sultana kienet l-avukat difensur.