Lokali Qorti

Kumpens ta’ €169,000 wara li fl-2012 waqa’ ħames sulari b’forklifter u spiċċa fil-baċir

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Miriam Hayman ordnat lill-kumpanija Palumbo Malta Shipyard Limited sabiex tagħti kumpens ta’ €169,163.30 lil Emmanuel Catania li kien impjegat tal-kumpanija wara li din inżammet reponsabbli għal danni wara li kien waqa’ għoli ta’ ħames sulari u spiċċa fil-baċir. Dak inhar tal-waqa’ Catania li huwa mill-Gżira, kellu 40 sena.

L-inċident ġara fil11 ta’ Diċembru, 2012, fit-tarzna ta’ Bormla b’Catania jispiċċa jsofri minn diżabilità permanenti ta’ madwar 50 fil-mija. Il-Qorti kkalkulat li fis-sena huwa kellu dħul ta’ €27,000 u għaldaqstant għandu jingħata €140,097 f’kumpens għas-salarji li tilef u se jitlef minħabba li ma jistax jaħdem.

Huwa ngħata wkoll €26,000 bħala kumpens minħabba li kellu jagħmel lifter id-dar u €3,065 fi spejjeż ta’ tobba u mediċini. Kien għalhekk li ġie ordnat lill-kumpanija biex tgħaddielu ftit akrar minn €169,000. Catania kien ilu jaħdem mal-kumpanija mill-2010.

Parti minn xogħolu kiejn li jassikura li l-għodda meħtieġa mill-ħaddiema tkun tajba. Inzerta li dakinhar huwa nnota li ‘grinder’ partikolari ma kienx qed jaħdem u ħadu għat-tiswija. Huwa għabbieh fuq forklifter li kien hemm fil-post u fi triqtu lejn il-workshop, waqt li kien f’telgħa, il-forklifter beda nieżel lura sakemm faqa’ crash barrier u waqa’ madwar ħames sulari u spċċa fil-baċir.

Diversi il-ħaddiema li kienu semgħu ħoss qawwi tal-waqgħa tal-forklifter għal ġol-baċir. Huma kienu taw l-ewwel għajnuna sakemm waslet l-ambulanza li ħaditu l-isptar fejn spiċċa l-ITU u kien fil-periklu li jitlef ħajtu. Fil-ħin tal-inċident huwa kien waħdu u allura ma kienx hemm xhieda għajr għal ħaddiem wieħed li kien ftit ‘il bogħod minnu. Huwa xehed li ħin minnhom sema ħoss, ittawwal u ra daħna.

Il-martirju tiegħu baqa’ għaddej u spiċċa qatta’ erba’ xhur l-isptar Mater Dei u kellu jiġu operat diversi drabi. Minħabba komplikazzjoni ta’ infezzjoni li żvilluppat wara waħda mill-interventi kirurġiċi huwa kellu jittieħed għal perjodu ta’ xahrejn oħra fl-isptar Karin Grech biex issirlu riabilitazzjoni. Huwa ntbagħat id-dar aktar minn sitt xhur wara l-inċident f’Ġunju, 2013.

Il-kumpanija dejjem saħqet li ma kinitx taħti għall-inċident iżda l-Qorti tagħat ħafna mportanza r-rappost tal-espert tekniku fl-inkjesta Maġisterjali fejn ikkonkluda li kien hemm għadd ta’ nuqqasijiet mill-kumpanija fosthom minn spezzjoni li saret fuq il-forklifter irriżulta li kellu tagħmir ma jaħdimx tant li xufier lanqas seta’ jkun jaf kemm għandu diesel fih.

Mill-isħarriġ tekniku li sar irriżulta li dan beda miexi lura minħabba li ma kellux diesel u għalhekk Catania ma kellux kontroll fuq l-imsemmi makkinarju għax lanqas biss kien qed jindikalu li kien vojt. Ir-rapport innota wkoll li l-operaturi li jħaddmu l-forklifter m’għandhomx taħriġ professjonali. Minn spezzjoni teknika li saret ukoll irriżulta li din ma kinitx l-ewwel darba li l-imsemmi forklifter ingħata d-diesel meta kien jieqaf fit-triq.

Osservazzjoni mportanti dwar l-istat tal-forklifter kienet li mhux biss dan beda miexi lura minflok ‘il quddiem, iżda li l-pedala tal-break li beda jipprova jagħfas kienet ibbieset u allura ma waqafx, il-handbreak ma telax għaliex kien difettuż u l-isteering kien tant iebes tant li lanqas seta’ jikkontrolla d-direzzjontiegħu biex idur lejn il-ħajt u forsi kien jjiġi evitat l-inċident.

Il-Qorti sostniet l-ħsarat ma kinux viżibbli u allura Catania ma setax jinduna bihom qabel ma beda jsuq. Fid-dawl ta’ dan kollu l-ħaddiem la kellu tort u lanqas li kien negliġenti. It-tort kien tan-nuqqasijiet kbar tal-kumpanija u kien għalhekk li ġie attribwit lilha r-responsabbiltà tal-inċident.

Dwar is-saħħa tal-ħaddiem inkwistjoni tabib li kkurah qal fil-Qorti li l-ħajja ta’ Catania inbidlet totalment fejn spiċċa bil-krozzi u ma jistax jimxi aktar minn 100 metru. Mhuwiex indipendenti u għandu bżonn l-għajnuna minn ħaddieħor anke biex jilbes u jeħtieġ il-kura b’mod kontinwu minħabba uġigħ f’dahru u saqajh.

Huwa jiddependi wkoll mill-mediċina li saħansitra jrid jieħu matul il-lejl. L-inċident ħalla impatt kbir fuq is-saħħa mentali tiegħu u minkejja li jipprova jagħmel minn kollox biex ifiq ikun hemm perjodui li jħossu mhux kapaċi u li jiddependi minn ħaddieħor. Kien l-Bord Mediku tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kklassifikah li għandu diżabilità permanenti ta’ 50%.

Sar ukoll; rapport ta’ tabib ieħor ħames snin wara l-inċident fejn irriżulta li Catania kien baqa’ jsoffri minn uġigħ kontinwu, li baqa’jimxi biss f’distanza qasira f’art lixxa u t-taraġ jitilgħu bil-mod waħda waħda. Id-diżabilità waslet ukoll li ma jistax joqgħod bilqiegħda sew, ma jistax jinħasel wħadu, ma jistax isuq karozza normali u jrid jieħu l-mediċina b’mod kontinwu.