Lokali

L-MPU titlob għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali

Il-Malta Police Union qed titlob għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg wara li din ma pproteġietx lill-membri tal-Korp u minflok, għażlet li twaqqa’ l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ min spara lejn il-Pulizija, li kienu l-vittmi fl-attentata serqa fuq iċ-Ċentru Ewelieni tal-HSBC f’Ħal Qormi 12-il sena ilu.

L-union qalet dan fi stqarrija, fejn anke esprimiet id-diżappunt tagħha għall-mod kif Buttigieg lanqas ma sabet ħin twieġeb il-Protest Ġudizzjarju li l-MPU ressqet fl-14 ta’ Jannar li għadda dwar il-ftehim sigriet li l-Avukat Ġenerali għamlet ma’ Darren Debono, magħruf bħala “it-Topo”, fejn il-union esprimiet it-tħassib tagħha.

Aktar minn hekk, “it-Topo” kien irrifjuta li jsemmi l-ismijiet ta’ dawk kompliċi miegħu f’dan il-każ tal-attentat hold-up – serqa li, indipendentament mill-volontà ta’ dawk kollha involuti, ma kinitx irnexxiet.

Fi stqarrija oħra, l-MPU kienet qalet li tinsab urtata għal kif l-Avukat Ġenerali qabdet u ftehmet ma’ Debono dwar il-piena li kellha tingħata, b’parti mill-ftehim ikun li akkuża ta’ attentat ta’ qtil fil-konfront ta’ żewġ Pulizija niżlet għal attentat ta’ feriti gravi.

Dan il-ftehim, kompliet l-union, kien pass ieħor li qed jikkawża demotivazzjoni kbira fost il-membri tal-Korp għax qalet li ma juri l-ebda rispett għax-xogħol importanti u perikoluż li jagħmlu l-Pulizija ta’ kuljum. Hu għalhekk, kienet tenniet l-MPU, li l-Ġustizzja mhux biss trid issir, iżda wkoll trid tidher li qed issir.

Madankollu, f’dan il-każ, is-sistema tal-Ġustizzja kif tħaddmet mill-Avukat Ġenerali falliet bil-kbir.