Sport Sport Ieħor

L-Università ta’ Malta jwettqu sorpriża u jirbħu l-E & L Trophy

(Ritratt: Joe Borg)

Forsi kontra kull mistenni, anke minħabba li Luxol St. Andrews kienu ilhom madwar tliet snin ma’ jitilfu logħba kompetittiva, it-tim tal-Università ta’ Malta wettqu sorpriża u fil-finali tal-E & L Trophy tal-Futsal għelbuhom bl-iskor ta’ 6-2 u telfuhom iċ-ċans li jirbħu d-double wara r-rebħ tal-Kampjonat.

Bla dubju li d-difiża soda ta’ l-Universitarji u l-wirja stupenda mill-goalkeeper Dylan Cacciatolo kienu strumentali għar-rebħ ta’ din it-tazza, li ntlagħabet fil-Padiljun tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.

Kienu Luxol li marru fil-vantaġġ permezz tal-captain Mark Zammit iżda Cleaven Portelli ġab l-iskor indaqs biex l-ewwel taqsima spiċċat fi draw ta’ 1-1.

Fil-bidu tat-tieni taqsima reġgħu kienu ċ-champions lokali Luxol li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Everton Veve minn penalty iżda ftit wara Guillherme Fonseca għeleb lil Stefan Vella biex reġa ġab l-iskor indaqs. Minn dak il-ħin ‘il quddiem l-Universitarji ma’ ħarsux lura u kien Stevn Camilleri li tefa’ t-tim tiegħu fil-vantaġġ għall-ewwel darba fil-konfront. L-Università ta’ Malta approfittaw mill-mossa tal-flying keeper ta’ Luxol u skorjaw tliet darbiet oħra minn Dale Valletta, Cleaven Portelli u Steven Camilleri għal skor finali ta’ 6-2.

Ir-rappreżentant tal-kumpanija E & L ippreżenta t-trofew lil-captain u goalkeeper tal-Università ta’ Malta Dylan Cacciatolo fost il-ferħ tal-plejers, diriġenti u s-supporters preżenti.