Il-Moviment Graffitti qed isejjaħ biex il-gvern jieħu azzjoni urġenti biex il-Blue Lagoon f’Kemmuna tingħata lura lill-pubbliku u biex iwaqqaf lil dawk li jikru d-deckchairs milli jiksu x-xatt kollu bid-deckchairs u l-umbrelel.
Hu saħqu li l-gżira ta’ Kemmuna għandha tkun ġenna tal-art mhux mittiefsa, ħielsa mill-folol, mill-iżvilupp estrem u mill-qerda ambjentali li qed joħonqu l-bqija tal-pajjiż… gżira li minflok, ġabuha qisha l-Wild West fejn il-ksur tal-liġi u r-regħba jirrenjaw bil-kbir.
Il-Moviment saħaq li dan hu serq tal-ispazju pubbliku fil-Blue Lagoon – wieħed mill-isbaħ postijiet f’Malta u sit tan-Natura 2000 – minn operaturi privati li mingħalihom li x-xatt huwa tagħhom personali u jistgħu jagħmlu bih li jridu.
Stqarrija li ħarġu tgħid li żjara riċenti fil-Blue Lagoon uriet li l-petizzjoni parlamentari li saret is-sena l-oħra biex tittieħed azzjoni kontra dawn l-operaturi, u li kienet iffirmata minn mijiet ta’ nies, waqgħet fuq widnejn torox. Għal darb’oħra, dawn l-operaturi privati qegħdin jiksu kull pulzier tax-xatt bid-deckchairs u l-umbrelel minn kif jisbaħ, bil-konsegwenza li ma tistax tgawdi dan it-teżor nazzjonali sakemm ma tħallasx €12.50.
Huma sejħu lill-Gvern biex fl-aħħar verament jieħu azzjoni biex irażżan lil dawn l-operaturi biex b’hekk kulħadd ikun jista’ jgawdi l-Blue Lagoon.