Futbol Sport

Nofs il-kumitat ta’ Pembroke Athleta F.C. kontra d-deċiżjonijiet tat-tmexxija tal-klabb

Tliet membri tal-Kumitat ta’ Pembroke Athleta F.C. , li bejniethom jirrappreżentaw nofs il-Kumitat attwali, ħarġu stqarrija għall-midja fejn fiha ddikjaraw li ma jaqblux mad-deċiżjoni li l-klabb ma jikkompetix fil-Kampjonat Premier u jiġi relegat għall-Amateur League.Fl-istqarrija jingħad li fl-aħħar jiem kien hemm opportunitajiet diversi biex il-klabb jirċievi assistenza finanzjarja minn investituri lokali u barranin, kif ukoll offerti ta’ għajnuna mhux finanzjarja minn klabbs oħra lokali.Fost l-oħrajn jingħad li l-Kumitat iltaqa’ ma’ investitur barrani li lest jgħin lill-klabb, u li skont l-istqarrija kien hemm pjan dwar dan l-investiment u saħansitra kuntratt iffirmat bejn l-investituri u l-President Alex Calleja. Madankollu jingħad li Calleja rtira minnu b’deċiżjoni unilaterali, mingħajr ma ta spjegazzjoni dwar dan lill-Kumitat.

Dawn il-membri tal-Kumitat jakkużaw ukoll lill-kumplament li pprovdew informazzjoni li ma kinitx korretta, eżatta jew veritiera bl-għan li l-kumplament tal-Kumitat ikun żgwidat u jivvota favur relegazzjoni għall-Amateur League. Jingħad ukoll li din l-informazzjoni kienet ripetuta wkoll matul il-Laqgħa Ġenerali Annwali.Wieħed mill-membri ta’ dan il-grupp li ħareġ l-istqarrija saħansitra jiddikjara li kien affaċċjat minn theddid legali, intimidazzjoni fuq il-post tax-xogħol kif ukoll intqal lilu li se jitkeċċa mill-Kumitat. Fid-dawl ta’ dan, kull azzjoni, anke legali, qed tkun kunsidrata.

Fl-istqarrija tagħhom, dawn il-membri tal-Kumitat jiddikjaraw li qed jitolbu għal Laqgħa Ġenerali Straordinarja, liema talba s’issa kienet injorata, waqt li mistennija jagħmlu kuntatt uffiċjali mal-Malta Football Association fejn jitolbu l-intervent tagħha. Sadattant, fl-aħħar jiem persuni mhux magħrufa iżda li ddikjaraw li huma parti mill-komunità ta’ Pembroke bdew petizzjoni li għandha l-għan li tqajjem pressjoni biex il-klabb jonora l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier.