Manchester United uffiċjalment ħabbru li d-duo Paul Pogba u Jessie Lingard mhux se jibqgħu plejers tar-Red Devils hekk kif se jkunu qed jitilqu lill-klabb fi tmiem il-kuntratt tagħhom fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Pogba ingħaqad mal-akkademja ta’ Manchester United fl-2009 u wara li kien wieħed mill-plejers ewlenin fis-settur tal-Youths fl-istaġun 2011/12 Sir Alex Ferguson tah id-debut f’rebħa ta’ 3-0 kontra Leeds United fil-League Cup. Pogba ingħata debutt ukoll fil-Premier League fl-istess staġun f’Jannar tal-2012 kontra Stoke City iżda ftit li xejn reġa lagħab mal-ewwel skwdra ta’ Sir Alex Ferguson. Dan wassal biex fi tmiem l-istaġun l-Internazzjonali Franċiż telaq lir-Red Devils u ssieħeb lil Juventus fl-Italja.
Ma’ Juventus Pogba mill-ewwel beda jħalli impatt u sar wieħed mill-plejers favoriti tas-supporters tal-Bianconeri. F’erba’ staġuni li lagħab ma’ Juventus huwa rebaħ il-Kampjonat erba’ darbiet, il-Coppa Italia, is-Super Coppa u tela final fil-Uefa Champions League kontra Barcelona, li dawn tal-aħħar rebħu bl-iskor ta’ 3-1. Fl-istaġun 2016/17 Pogba reġa rritorna ma’ Manchester United għas-somma ta’ aktar minn €100 miljun iżda ftit li xejn kellu impatt pożittiv u f’sitt staġuni mal-United huwa rebaħ biss il-Carabao Cup u l-Uefa Europa League.
Rapporti fil-midja madwar l-Ewropa qed jindikaw li Pogba jista jerġa jingħaqad ma’ Juventus fit-tieni avventura tiegħu mal-Vecchia Signora fost interess mill-akbar timijiet tal-Ewropa.
Plejer ieħor li se jkun qed iħalli lil Manchester United huwa Jessie Lingard li kien ilu mar-Red Devils sa minn meta kellu biss tmien snin u baqa’ tiela biex b’kollox mal-iskwadra ewlenija lagħab 232 logħba u skorja 35 gowl. Lingard, li għandu 29 sena lagħab ukoll 35 darba mat-tim Nazzjonali tal-Ingilterra.
//= $special ?>