Graziella Galea, PN
Id-deputat Nazzjonalista Graziella Galea enfażizzat fil-parlament l-importanza tal-Awtorità tal-Artijiet quddiem il-pessjonijiet kbar fuq l-art fil-pajjiż.
Ma’ dawn l-għanijiet għandu jiżdied ieħor; dak li jiġi assigurat li fejn tkun se tittieħed propjetà mill-privat għal xi skop pubbliku, jiġi verament stabilit li dak l-għan li għalih suppost tkun se tittieħed dik l-art ikun hemm skop pubbliku għalih.
Għalkemm il-proċeduri li bihom tittieħed propjetà privata għal xi skop pubbliku wieħed jista’ jgħid li nbidel matul is-snin, xorta għandu jiġi assigurat li l-awtoritajiet l-oħra li jkunu se jieħdu tali propjetà jkunu qed jagħmlu dan fl-aħjar interess tal-pubbliku.
Kemm id-Dipartiment tal-Artijiet, kif ukoll l-Awtorità tal-Artijiet innifisha, matul is-snin li ilha mwaqqfa, mhux darba jew tnejn kienu mdaħħla f’kontroversji pubbliċi.
L-Awtorità għandha tagħmel ħilitha kollha biex tevita li jkun hemm kontroversji fuq suġġett daqshekk sensittiv bħalma hi l-propjetà. Inqas ma jinħolqu kontroversji iktar aħjar għall-Awtorità nnifisha, kif ukoll għal dawk li jistgħu jkunu effettwati bid-deċiżjonijiet tal-istess Awtorità.
Hu magħruf sew li l-art hi wieħed mill-ftit jekk mhux l-uniku riżors li għandna f’pajjiżna. Dan il-fatt ġab miegħu ħafna pressjonijiet fuq l-użu li jsir minn din l-art. Għandu jkun hemm ferm iktar kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Artijiet.
Iktar ma nbidlet is-soċjetà iktar bdew ġejjin pressjonijiet fuq l-art ta’ pajjiżna. Donnu wkoll li issa qed joqrob iż-żmien li din il-pressjoni ma tibqax biss fuq l-art propja, imma se tigi estiża wkoll għal fuq il-baħar. Is-suġġett ta’ xi forma ta’ land reclamation ilu jissemma f’pajjiżna. Jekk, u meta dan jibda jsir, b’mod parikolari jekk jibda jsir fuq skala kbira, għandu jigi assigurat li jsir skond pjan li jkun jagħmel ‘long term sense‘ u ma jsirx biss għal konvenjenza ta’ xi mument partikulari. Għal dan il-għan hu mportanti ferm li kulmin jista’ jkun interssat jiġi nvolut minn kmieni.
Dwar is-sitwazzjoni tal-art agrikola f’pajjiżna hi qalet li l-Gvern hu l-ikbar sid tal-art iktar u iktar meta wieħed iqis l-artijiet li ġew mingħand il-Knisja. Bosta minn dawn l-artijiet huma wżati għal skop agrikolu. Fuqhom, dawk li kienu jaħdmu l-art għamlu bosta nvestimenti, u hemm numru sostanzjali ta’ persuni li għandhom diffikultajiet minħabba dawn l-istess investimenti. Hemm irziezet, hemm serrer, hemm residenzi li nbnew fuq dawn l-artijiet. Minħabba raġunijiet differenti, xejn inqas minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn dipartimenti jew awtoritajiet ta’ l-istess gvern, hemm persuni li jhossuhom mitlufin.
Iktar minn darba tfasslu skemi li kellhom isolvu dawn il-problemi, li izda donnu li ma laħqux l-għan tagħhom. L-aħħar skema tħabbret ftit jiem qabel l-elezzjoni li għaddiet. Dakinhar kienet thabbret bħala pilot project għal ċertu nħawi fil-limiti tar-Rabat. Policies bħal dawn għandna naraw li jkunu fuq livell nazzjonali. Għandu jiġi assigurat li dak li ġie mħabbar jitkompla biex ma niġux ħames snin oħra qabel elezzjoni oħra u nerġgħu nħabbru skema oħra. Infasslu sew u nassiguraw li nwettqu sew ukoll dak li nkunu fassalna.
L-Awtorità tal-Artijiet għandha tara li titfassal policy dwar art agrikola tal-privat. Bħalissa hemm ħafna diffikultajiet li l-bdiewa li għandhom art tal-privat qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Għalhekk din l-Awtorità għandha wkoll tara kif taghti sehemha biex din il-problema tittaffa.
Jeħtieġ li ssir il-koordinazzjoni meħtieġa biex kemm is-Selmun Palace Hotel kif ukoll il-Fortizza Campbell ma jibqgħu abbandunati. Matul dawn il-ġimgħat ressaqt numru ta’ domandi parlamentari rigward dawn iż-żewġ binjet. Irridu nassiguraw li l-lukanda ma tkomplix titfarrak, filwaqt li l-Fortizza Campbell irridu nippreservaw l-importanza storika u arkitettonika.
Hemm pressjonijiet kbar li qed iseħħu fuq l-art f’pajjiżna. Biex jinqdew il-bżonnijiet ta’ l-infrastruttura, tat-turiżmu, tal-isports, tad-divertiment u ta’ bosta setturi oħra trid tittieħed l-art. Fl-istess ħin irridu nibqgħu nippruvaw nilħqu bilanċ mal-ambjent naturali. Il-pressjoni tal-iżvilupp turistiku li hu ferm importanti għall-ekonomija Maltija ma nistgħux inwarrbuh.
Spiss dan is-settur jipprova jieħu partijiet tal-bajjiet. Dan is-settur jipprova jisfrutta l-art li tkun l-eqreb lejn il-baħar. Dan iġib miegħu konflitti mhux żgħar. Hawn ukoll hu meħtieg li l-policies użati jkunu tali li ma jinsewx li minbarra t-turiżmu hemm ukoll il-persuni l-oħra li jridu jużaw dawn l-istess xtajtiet. Għalxejn ikun hemm regoli li ma jiġux infurzati. F’dan ir-rigward, minflok bosta ġiri minn dipartiment għall-ieħor jew minn Awtorità għall-oħra jkun hemm sistema ċara koordinata bejn dawk kollha li huma nvoluti.
//= $special ?>

