Il-Konfraternità tal-Madonna tal-Karità, eretta fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta inawgurat proġett ta’ restawr fuq sett ta’ seba’ pitturi li jinsabu fl-Oratorju tal-istess Konfraternità.
Is-seba’ kwadri jikkonsistu f’sitt kwadri ta’ Giuseppe d’Arena li jinsabu mwaħħlin mal-ħitan tal-Oratorju u t-titular tal-Oratorju li jġib il-ġrajja tat-Tieġ ta’ Kana.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna qal li l-Knisja f’Malta hi impenjata li tħares il-patrimonju artistiku u reliġjuż li ħallewlna missirijietna u li kien espressjoni ta’ fidi ħajja. Hu saħaq fuq ir-responsabbiltà tagħna llum li napprezzaw u nieħdu ħsieb il-patrimonju straordinarju li għandna u ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna sabiex ikunu jistgħu jagħrfu u jgħożżu s-sbuħija tal-identità tagħna l-Maltin.
Il-Gvernatur is-Sur Alfred Paul Farrugia qal li minn meta twaqqfet fl-1610, il-Konfraternità qatt ma waqfet taqdi l-għan ewlieni li jagħtiha isimha, jiġifieri li tghin lil min hu fil-bżonn u jeħtieġ l-għajnuna.
L-Arċipriet tal-Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfragu Kan. David J. Cilia feraħ lill-Konfraternità tal-Karità u l-membri tagħha għat-twettieq ta’ dan il-proġett.
Waqt l-istess ċerimonja, l-Arċisqof ġie ppreżentat ukoll b’kopja ta’ inventarju ġdid li għadu kemm ġie konkluż wara proċess metikoluż mid-ditta Curatorial Studio, li fih jiġbor il-proprjetà kollha mobbli u immobbli tal-Konfraternità.
Il-proġett tar-restawr sewa €45,000, u kellu sostenn finanzjarju parzjali mill-APS Bank.